25,000 persuna jgawdu mis-servizzi online fejn tidħol is-sistema tal-punti – One News

Notifiki

25,000 persuna jgawdu mis-servizzi online fejn tidħol is-sistema tal-punti

B’seħħ mill-1 ta’ Dicembru li għadda, ir-regime tal-punti penali li kien japplika għas-sewwieqa bi prova ġie estiż għall-vetturi kollha. Dan fisser li ċerti kontravenzjonijiet speċifikati fis-sitt skeda jkunu suġġett għal multa kif ukoll punti fuq il-liċenzja tas-sewqan. Il-liċenzja tas-sewqan tista’ tiġi revokata f’perjodu ta’ 12-il xahar jekk jintlaħqu t-tnax-il punt jew aktar.

Fl-aħħar jiem ġiet esposta kritika dwar jekk is-sistema hijiex qed tkun business friendly biżżejjed fejn jidħlu kumpaniji li jikru l-vetturi jew inkella kumpaniji li għandhom għadd kbir ta’ vetturi u xufiera jaħdmu magħhom.

Irid jingħad li f’kull kaz li tiġi kommessa infrazzjoni, għajr fil-każ’ ta’ kontravenzjonijiet bi speed cameras, ix-xufier tal-karozza jitwaqqaf u l-kontravenzjoni toħroġ fuq ix-xufier tal-karozza. Fil-każ ta’ kontravenzjonijiet bi speed cameras, il-kontravenzjoni toħroġ fuq is-sid tal-vettura iżda sid il-vettura ngħata faċilità sħiħa biex jindika min kien ix-xufier tal-karozza f’dak il-mument tas-sewqan. Sistemi bħal dawn jinstabu wkoll f’ġurisdizzjonijiet oħra Ewropej.

Il-Gvern huwa kommess li waqt li jiġi assigurat il-ħarsien tal-liġi, ikun ukoll business friendly. Għal dan il-għan l-Aġenzija dwar l-Inforzar Lokali, il-LESA, waqqfet is-sit les.gov.mt fejn persuna tista’ tirreġistra fl-e-services u b’hekk timmaniġġja portal personali tagħha tal-karozzi kollha li għandha rreġistrati fuq isimha. F’dan is-sit, persuna tista’ tħallas ċitazzjoni, tissottometti petizzjoni, kif ukoll tkun infurmata fl-istess ġurnata b’SMS u/jew email li vettura reġistrata fuq isimha qalgħet kontravenzjoni. Dan is-sit għandu wkoll sessjoni fuq il-punti penali fejn persuna tista’ tniżżel dikjarazzjoni u tindika min kien is-sewwieq f’każi ta’ kontravenzjonijiet tal-ispeed cameras.

Din id-dikjarazzjoni trid tiġi ffirmata kemm minn sid il-karozza, kif ukoll mis-sewwieq tal-karozza illi jaċċetta illi l-kontravenzjoni tinħareġ fuqu u, f’każ ta’ sejbien ta’ ħtija, il-punti jiġu trasferiti fuqu (is-sewwieq) wkoll. Din id-dikjarazzjoni tiġi mtella’ fl-istess sit flimkien ma’ kopja tal-liċenzja valida tas-sewqan, tas-sewwieq. Jekk is-sewwieq jirrifjuta illi jiffirma din id-dikjarazzjoni, din timtela xorta waħda mis-sid u s-sewwieq jitħarrek bħala xhud quddiem it-Tribunal.

L-istess sit (les.gov.mt) jagħti wkoll il-faċilità illi s-sid tal-karozzi jirreġistra l-karozzi fuq ismu, b’delega favur terza persuna (bħal skrivan/a jew segretarju/a) biex ikunu jistgħu jsegwu l-moviment tal-vettura. F’kaz illi l-vettura tkun mikrija għal tul ta’zmien, sid il-vettura jista’ jniżżel dikjarazzjoni mill-istess sit fejn tiġi indikata d-data minn u sa meta u lil min il-vettura ġiet mikrija. Din id-dikjarazzjoni ffirmata flimkien ma’ kopja tal-kuntratt tal-kirja u kopja tal-liċenzja tas-sewqan tas-sewwieq tittella’ fl-istess sit. Dan iffisser illi għal dan il-perjodu indikat kull kontravenzjoni tinħareġ fuq is-sewwieq direttament u s-sid ikun jista’ jimmoniterja minn fuq is-sit tiegħu. B’hekk qed jitnaqqas l-inkonvenjent minn fuq is-sidien tal-karozzi tal-kiri kif ukoll kumpaniji illi għandhom diversi vetturi rreġistrati fuqhom, billi ċ-ċitazzjoni tgħaddi mill-ewwel fuq is-sewwieq.

Din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi uploaded sa 21 ġurnata minn meta tinħareġ iċ-ċitazzjoni. F’każ illi ċ-ċitazzjoni tiġi mħallsa f’dan il-perjodu, xorta waħda tista’ tittella’ fuq is-sit id-dikjarazzjoni u l-punti jiġu trasferiti.

Preżentament fuq din is-sistema e-services għandna rreġistrati mal-25,000 persuna u qed ikun hemm medja ta’ 385 reġistrazzjonijiet ġodda fil-ġimgħa.

Dan is-sit ukoll jieħu ħsieb illi jibgħat reminder dwar id-data tal-kontestazzjoni għat-Tribunal u dan sabiex persuna tirregola ruħha mill-aktar fis possibli u b’hekk ma teħilx penali addizzjonali.

Il-Gvern se jibqa’ kommess li jikkonsulta mal-entitajiet kollha interessati u jassisti lill-kumpaniji kollha li jikru l-vetturi jew għandhom għadd kbir ta’ vetturi u xufiera sabiex din ir-riforma, li ntlaqgħet tajjeb immens, tkun suċċess iktar milli diġà kienet għal iktar sigurtà fit-toroq tagħna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend