Il-Gvern u l-Assoċjazzjoni tat-Tobba kellhom laqgħa pożittiva fejn jidher li kien hemm progress iżda fadal x’jiġi diskuss miż-żewġ naħat. Dan hekk kif illum saret laqgħa oħra bejn il-Gvern u l-MAM fejn illum qablu li jerġgħu jiltaqgħu din il-ġimgħa.
F’kumment li ta lil ONE News, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li fil-laqgħa ż-żewġ naħat iddiskutew il-proposti u dwar dan kien hemm progress iżda għad fadal x’jiġi diskuss.
Hu qal li jinsab sodisfatt li hekk kif id-diskussjonijiet sejrin fid-direzzjoni t-tajba u jawgura li jintlaħaq ftehim kemm fl-interess tat-tobba kollha kif ukoll fl-interess tal-pazjenti Maltin u Għawdxin kollha.
L-Assocjazzjoni tat-Tobba ma qablitx mat-trasferiment tal-kuntratt tal-VGH lill-kumpanija Amerikana Steward Healthcare. Il-MAM trid li l-Gvern jirtira mill-ftehim tal-Public Private Partnership li sar kważi sentejn ilu mal-VGH għat-tmexxija tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, għall-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech.