Malta bl-iktar esibituri fl-ikbar fiera tal-Gaming | One News

Notifiki

Malta bl-iktar esibituri fl-ikbar fiera tal-Gaming

Malta kienet l-iktar pajjiż mistieden li kellu esibituri fl-ikbar fiera tal-gaming li ssir fid-dinja. B’59 esibitur Malta kellha iktar esibituri mill-Istati Uniti li kellha 41 esibitur. Kif mistenni kien ir-Renju Unit, il-pajjiż li kien qed jospita l-fiera, li kellu l-ikbar ammont ta’ esibituri b’iktar minn 170 esibitur.

Il-fiera bl-isem ta’ Totally Ice Gaming f’Londra ġabret  taħt saqaf wieħed il-krema tas-settur tal-gaming minn madwar id-dinja, tant li kull pajjiż li b’xi mod imiss ma’ dan il-qasam jara li jkollu sehem fiha.

F’Londra, l-Awtorità Maltija għal-Logħob kellha l-esibizzjoni tagħha li serviet ta’ post ideali sabiex operaturi li lesti li jinvestu, jifhmu aħjar x’joffri pajjiżna f’qasam li kulma jmur qed jikber.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri żar il-fiera f’Londra. Filwaqt li nnota l-interess qawwi tal-operaturi lejn dak li joffri pajjiżna, Schembri sostna fuq l-importanza tal-preżenza ta’ pajjiżna fuq pjattaforma internazzjonali. “Irridu nkomplu npoġġu lil Malta bħala l-aqwa ġurisdizzjoni fil-qasam tal-gaming, però rridu wkoll infiehmu lill-operaturi l-bidliet li qed isiru,” qal Schembri.

Silvio Schembri spjega kif fiż-żmien li ġej pajjiżna se jkollu Att ġdid dwar il-gaming li jnaqqas il-burokrazija u jżid l-effiċjenza għall-operaturi. Fil-fatt, iżjed ’il quddiem, permezz tal-Att il-ġdid se tidħol fis-seħħ sistema ta’ żewġ liċenzji B2B u B2C jiġifieri liċenzja għall-operaturi li joperaw għal operaturi oħrajn u liċenzja oħra għall-operaturi li joperaw għall-konsumaturi direttament. “Dan se jagħmilha iżjed faċli għall-operaturi biex joperaw b’liċenzja Maltija u minn ġurisdizzjoni Maltija,” qal Schembri li żied li dak li se jseħħ f’pajjiżna diġà qed jiġbed l-attenzjoni ta’ investituri b’interess li jinvestu, tant li f’Londra seħħew għadd ta’ laqgħat ma’ investituri barranin.

Schembri rringrazzja l-ħidma li qed issir fi ħdan l-Awtorità Maltija għal-Logħob li id f’id mal-Gvern tara li isem pajjiżna jibqa’ minn ta’ quddiem nett f’settur li huwa mutur importanti għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend