Delia żamm il-kumpaniji li qal li se jneħħi | One News

Notifiki

Delia żamm il-kumpaniji li qal li se jneħħi

Il-gazzetta Kullħadd tiżvela li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, għadu involut f’numru konsiderevoli ta’ kumpaniji. Dan minkejja li qabel l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien wiegħed li b’mod immedjat kien se jirriżenja jew ibigħ kull sehem li għandu f’entitajiet privati u ta’ negozju.

Din hi dikjarazzjoni li għamilha fi żmien fejn kien qed ikun ikkritikat bl-aħrax minn nies fil-Partit Nazzjonalista u qrib tiegħu, b’mod partikolari f’artikli b’rabta man-negozju.

Il-fatt li Adrian Delia baqa’ m’aġixxiex fuq dawn il-kumpaniji jfisser li bħal fil-każ tal-ħlas tat-taxxa reġa’ ma żammx il-kelma tiegħu.

Id-dikjarazzjonijiet li se jitlaq l-interessi tiegħu fin-negozju Adrian Delia għamilhom bosta drabi. Fost oħrajn dikjarazzjoni f’dan is-sens stqarrha meta kien intervistat fil-programm In Depth fuq is-sit elettroniku ta’ The Malta Independent bosta xhur ilu. Saħansitra dakinhar kien qal li dieħel għal Kap bi skapitu għan-negozju tiegħu li se jkun qed jitlaq.

“Int mhux biss avukat, negozjant, direttur u shareholder f’kumpaniji oħrajn. Se tisvesti minnhom?” kienet staqsiet il-ġurnalista Rachel Attard.

“Nirringrazzjak, mistoqsija importanti. M’iniex negozjant, għandi ishma f’negozji,” kien pront wieġeb Delia li qal li kull fejn għandu ishma tas-servizzi kien se jbigħ l-ishma tiegħu. “Għandek kumpaniji bix-shareholding. Dawk se nbigħhom b’mod assolut appena nkun kap, diġà ftehemt il-mekkaniżmu għax ma rridx inweġġa’ l-kollegi tiegħi, u se nbigħ. L-istess bħala avukat jien mhux se jkolli iktar x’naqsam jekk ikolli din il-kariga. Mhu se jkolli x’naqsam mal-ebda attività kummerċjali,” kien qal Delia.
“Fejn għandi kumpanija nbigħ ix-shares, fejn għandi kumpanija nbigħ il-partnership għax ditta legali ma tistax tkun kumpanija bil-liġi trid tkun partnership. Irrid nitlaq hemm ukoll. Qed tifhem għaliex mhux opportuniżmu,” qal Delia f’Ġunju tas-sena l-oħra meta kien qed jipprova jagħti l-impressjoni li kellu kollox lest biex jirregola ruħu kif mistenni minn persuna f’kariga pubblika.

Iżda, riċerka li għamlet il-gazzetta KullĦadd wara li sorsi fl-istamperija ġibdulna l-attenzjoni dwar dan il-fatt turi li Adrian Delia għadu rreġistrat bħala azzjonist f’sitt kumpaniji.

Mir-reġistru tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji jirriżulta li fost dawn hemm Aequitas fejn Delia qed jgħaddi ħafna ħin minkejja li sar Kap tal-Oppożizzjoni. Fil-fatt tnejn mill-kumpaniji fejn għadu azzjonist huma Aequitas Management Limited u Aequitas Trust & Fiduciary Limited. Dawn huma marbutin mad-ditta legali li hu parti minnha bħala avukat u li ġġib l-istess isem. L-istess ditta fejn f’każ il-Qorti kkonferma li kien idaħħal €210 fis-siegħa meta kien jaħdem magħha.

Għadu wkoll attiv fil-kumpanija Carnaby Limited. Din hi kumpanija li tinsab fis-suq tal-inbid ta’ ċertu kwalità u prezz.

Żewġ kumpaniji oħra li Delia għad għandu sehem fihom huma e-Volve Consultancy Limited u Frankef Limited.

Delia għadu attiv ukoll f’Patience Developments Limited, kumpanija fejn hemm ċertu Eucharist Bajada li kien ċentrali fl-akkużi li għamlet il-blogger Daphne Caruana Galizia tul ix-xhur li Adrian Delia kien qed jikkampanja biex isir Kap tal-Partit Nazzjonalista.

In-negozju daħħlu fl-inkwiet

Fil-fatt fix-xhur ta’ qabel inqatlet Daphne Caruana Galizia bdiet tikteb b’mod kontinwu fuq l-attivitajiet ta’ negozju ta’ Adrian Delia.

Caruana Galizia qalet li Adrian Delia kellu kontijiet barra minn Malta u li kien idaħħal il-flus minn attivitajiet illeċiti u marbuta mal-prostituzzjoni.

Daphne Caruana Galizia qalet li Adrian Delia kien juża kont tal-Bank f’Barclays International f’Jersey biex jirċievi l-kirjiet ta’ proprjetà f’52 Greek Street. Din kienet titħallas lilu minn ċertu Emanuel Bajada, biex imbagħad kienet tgħaddi għand ħuh Eucharist, il-proprjetarju tal-proprjetà f’Londra.

Emanuel Bajada nstab ħati li jgħix minn fuq il-prostituzzjoni. Fil-kont tiegħu Delia kien jirċievi 20,000 sterlina kull xahar għall-kirja ta’ dar f’Soho li jirriżulta li ma kinux għaddew għand dawn il-kumpaniji. Minn ċaħdiet kategoriċi Adrian Delia mbagħad beda jammetti biċċiet.

Adrian Delia għamel libelli li mbagħad spiċċa rtira tant li spiċċa jwieġeb domandi dwar kif se tkun qed toħroġ il-verità.

Fost ħafna iktar Daphne Caruana Galizia kitbet ukoll li l-Bank of Valletta lil Delia għalqulu kontijiet tal-bank li kellu magħhom. Delia wieġeb li dak kien client account iżda Caruana Galizia qalet li dak kien account fuq ismu.

Staqsiet għaliex il-BOV għalaq dak il-kont b’ismu fuqu li qed jgħid uża għal klijent, u għaliex bank jagħlaq kont.

Saħansitra darba kitbet hekk: “This liar and his travelling circus of mazuni, pimps, white-slavers, money-launderers, blackmailers, thugs, brothel-creepers and poker-players hasn’t even been elected yet, and already I’m sick of the sight and sound of him and his fog of lies.”

Il-kwistjoni tat-taxxa

Fuq nett tal-aġenda kienu telgħu wkoll id-djun kbar li għandu Delia u l-kumpaniji tiegħu. Fost oħrajn iddominaw l-aħbarijiet tal-pendenzi mad-Dipartiment tat-Taxxa, għalkemm mhux biss u mhumiex l-uniċi.

Meta mistoqsi dwar it-taxxa Delia kien qal f’Dissett li b’rabta mat-€80,000 li ma kienx ħallas għamel arranġament biex sal-aħħar tas-sena kollox ikun riżolt. Iżda, issa qed jirriżulta li kulma għamel kien li għamel proposta lid-Dipartiment tat-Taxxa biex iħallas bin-nifs dawn il-pagamenti u li mid-dehra sa issa ma bdewx jitħallsu.

In-nuqqas ta’ ħlas minn Delia kien wassal għal reazzjonijiet ibsin. Kevin Cassar, ħaten Beppe Fenech Adami, qallu li ma jistax ikun fdat. Fuq Facebook kiteb: “Daphne Caruana Galizia kellha raġun.”

Ma kienx hu biss li kiteb. David Thake kiteb: “Adrian Delia issa ilu tliet xhur mindu ġie elett Kap tal-PN. Kien wiegħed li: 1) Ibigħ l-ishma KOLLHA li għandu biex ma jibqagħlux interess fin-negozju issa li laħaq Kap tal-Oppożizzjoni. 2) Iħallas it-taxxa u l-multi kollha li għandu pendenti mal-Inland Revenue. Minn dawn it-tnejn m’għamel xejn.”

Thake fakkar kif fil-Qorti ftit ilu għamel stqarrija li fiha ddikjara li kien jaqla’ €2,000 kuljum meta kien avukat. “€2,000 kuljum u t-taxxi jitħallsu bin-nifs,” kiteb Thake f’messaġġ li xerrduh għadd ta’ Nazzjonalisti oħra.

Iktar minn hekk il-Ħadd li għadda sar magħruf li filwaqt li Delia għażel li ma jħallasx it-taxxi, qed jinnegozja biex jixtri proprjetà biswit id-dar tiegħu fis-Siġġiewi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend