Raġel miet u mara tinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqgħet siġra fuq il-vettura tagħhom fl-Mrieħel.
L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tas-sitta u nofs fi Triq Notabile, l-Imrieħel.
Il-Pulizja tad-Distrett flimkien mal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li x’aktarx siġra waqgħet fuq vettura tat-tip Nissan li kienet qiegħda tinstaq minn raġel Rumen ta’ 38 sena residenti l-Mosta. Fil-vettura kien hemm mara Rumena ta’ 32 residenti l-Mosta ukoll.
Fuq il-post issejaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu lill-vittmi.Sfortunatament, ix-xufier ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post filwaqt li l-mara ttieħdet immedjatament l-isptar sabiex tingħata l-kura meħtieġa. Il-mara qed issofri minn ġrieħi gravi.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Frendo Dimech LL.D li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Ispettur Rodrick Spiteri.
Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.