Ġurnata sewda għall-karrijiet u l-maskaruni kkuluriti tal-Karnival- dan hekk kif il-maltemp li laqat il-gżejjer Maltin ċaħħadhom milli jerħula lejn it-toroq u l-pjazez fil-Belt Valletta- għall-fatt illi l-attivitajiet skedati b’rabta ma’ din il-festa ta’ bluha ġew ikkanċellati.Minkejja li sa issa t-temp bħal donnu ma jridx jaf, sorsi fi ħdan l-uffiċju meterjoloġiku qegħdin ibassru li fi tmiem din il-ġimgħa ix-xita ser tbatti. Madanakollu pajjiżna ser jaffaċċja riħ qawwi li ser jilħaq il-qawwa ta’ forza sebgħa. Jekk dan it-tbassir jibqa kif inhu skedat, il-karrijiet ser jibdew il-miġja tagħhom lejn il-Belt Valletta is-Sibt filgħodu għall-ħabta tal-għaxra.
Jason Busuttil, wieħed mill-organizzaturi tal-Karnival appella għall-koperazzjoni tal-pubbliku waqt li s-Sibt filgħodu l-karrijiet jerħulha lejn il-Belt.
Il-kuluri estravaganti u d-dettall li jżewqu lil dawn il-karrijiet huma frott il-ħidma tad-dilettanti u l-voluntiera li jkunu ilhom għaddejin minn wara l-festi tal-karnival tas-sena ta’ qabel. Fi kliem id-dilettanti, hija verament ħasra li fil-jum li tela s-separju, l-attivitajiet skedati kellhom jitħassru:
Il-biljetti li nxtraw għall-ispettaklu tal-Ġimgħa ser ikunu jistgħu jintużaw għall-prestazzjonijiet tas-Sibt jew tat-Tnejn.