Wara s-suċċess li nkiseb fl-elfejn u sittax, ser jerġa’ jittella’ l-Malta Maritime Summit f’Ottubru li ġej. Dan l-avveniment huwa passaport għal Malta sabiex tkompli ssaħħaħ is-settur Marittimu f’pajjiżna.
Xhieda ta’ dan huwa ż-żieda ta’ kważi għoxrin fil-mija fin-numru ta’ superyachts li ġew irreġistrati taħt il-bandiera Maltija matul is-sena li għaddiet. Li fi kliem il-Ministru tat-Trasport Ian Borg dan ir-riżultat juri biċ-ċar il-potenzjal li għandu pajjiżna f’dan is-settur- dan hekk kif il-baniera Maltija hija l-mexxejja dinjija fir-reġistrazzjoni tas-superyachts:
Dan is-Summit bit-tema L-VUĊI TAL-INDUSTRIJA ser ikompli jsaħħaħ il-miri tal-Gvern li jistabilixxi lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza marittima. Il-Malta Maritime Summit ser iservi ta’ opportunita sabiex jiġu diskussi temi importanti f’dan is-settur fosthom l-investimenti, s-swieq tat-tbaħħir u l-ekonomija internazzjonali filwaqt li jkun hemm evalwazzjoni ta’ opportunitajiet għal Malta.
Waqt din it-tnedija, l-Ministru Ian Borg fakkar li fi tmiem is-sena li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea approvat l-iskema tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ. Fl-istess sena Malta rnexxiela tirreġistra tkabbir ta’ aktar minn tmienja fil-mija li tirrapreżenta ħamsa u sebgħin punt żewġ miljun tunnellata gross irreġistrata.