Il-Pulizija Maltija reġgħet kissret ċirku ieħor ta’ traffikar ta’ droga. Dan wara li arrestat sitt irġiel u mara waqt rejd li sar f’San Pawl il-Baħar it-Tlieta filgħaxija.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu li wieħed mill-irġiel huwa mfittex mill-Pulizija.Waqt dan ir-rejd instabu diversi oġġetti relatati mat-traffikar u t-teħid tad-droga fosthom diversi mwieżen elettroniċi u kif ukoll madwar għoxrin gramma sustanza suspettata kokaina f’żewġ boroż flimkien ma’ traċċi ta’ sustanza suspettata eroina.
Ir-rejd sar mill-Pulizija tal-Għassa tal-Qawra fejn għall-aħħar xhur kienu qed jistudjaw b’mod intensiv il-movimenti mill-post wara diversi suspetti ta’ traffikar tad-droga. Il-post jinsab fi Triq Il-Mazzolla f’ San Pawl il-Baħar.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu li s-seba’ persuni huma ta’ nazzjonalita’ Maltija, Għarbija u Taljana.
Madankollu huma qalu li ftit tal-ħin wara l-Pulizija rrilaxxat ħamsa minnhom hekk kif ġie stabbilit li huma kienu qegħdin hemm sabiex jixtru d-droga għall-użu personali tagħhom u mhux biex jittraffikawha.
Madankollu l-istess sorsi kkonfermaw ukoll li fis-sigħat li ġejjin il-Pulizija se tkun qed tressaq raġel u mara Maltin mixlija bi traffikar ta’ droga.
Waqt ir-rejd issejħet ukoll l-assistenza tal-Animal Welfare, peress li fir-residenza kien hemm ukoll xi klieb.