Il-Federazzjoni Maltija tal-Isport tal-Isparar faħħret l-inizjattiva tal-Gvern, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat u SportMalta, u rringrazzjathom talli żammew mal-wegħda elettorali li jagħmlu Shooting Ranges ġodda Nazzjonali għall-isport tal-Isparar f’Ta’ Kandja, Limiti tas-Siġġiewi.Fi stqarrija l-Federazzjoni spjegat kif ix-xogħol li sar u qed isir, fit-twettieq ta’ dan il-proġett tal-Kumpless Sportiv għall-Isparar, f’ Ġunju li ġej, l-Atleti u l Pubbliku Sportiv Malti se jkun jista’ għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan l-isport f’pajjiżna, jara l-aqwa Atleti mid-dinja kollha jikkompetu għat-Tazza tad-Dinja tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Isports tal-Isparar.
Il-Federazzjoni qalet li tinsab konvinta li dan il-Kumpless Nazzjonali Sportiv għall-Isparar, apparti li ser iservi biex il-membri tal-Federazzjoni u d-delettanti kollha tal-isparar f’pajjiżna jkollhom ranges ta’ standard internazzjonali, kif ukoll flimkien mal-ISSF World Cup, ser iservu ta’ vetrina promozzjonali għal Malta kemm bħala Turiżmu Sportiv.
Il-Federazzjoni fakkret li ngħatat id-dritt mill-ISSF li torganizza din il-kompetizzjoni wara li kienet diġa’ ngħatat dan iċ-ċans f’żewġ okkażżjonijiet oħra preċedenti fl-1998 u fl-2000, iżda peress li ma sarux ir-Ranges imwegħda mill-Aministrazzjoni preċedenti, l-MSSF kellha bilfors tirtira l-applikazzjoni.
Il-Federazzjoni appellat lill-oppożizzjoni sabiex tappoġġja dan il-proġett u biex dan il-proġett ma jintużax bħala ballun politiku.