L-ewwel ġustizzja li jrid jagħmel Delia hija mal-poplu kollu | One News

Notifiki

L-ewwel ġustizzja li jrid jagħmel Delia hija mal-poplu kollu

Dħaqt, nammetti, meta waqt li l-poplu Malti u Għawdxi kien qed isegwi l-Eurovision, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ stqarrija li kellu joħroġ f’nofsinhar u li fiha ħabbar ix-shadow cabinet tiegħu.

Malli rajt l-irwoli kif ġew imqassma minn Delia u sħabu Pierre Portelli u Clyde Puli, spikka isem il-Kap tal-Oppożizzjoni stess.

Delia ħa f’idu l-ġustizzja.

Dħaqt għax bil-mossa tiegħu stess ma ndunax x’għamel.

L-ewwel, jekk verament irid ifittex li ssir ġustizzja mal-poplu, irid iħallas il-kont tat-taxxa tiegħu li qabeż it-€80,000. Dan il-kont kellu jieħu ħsiebu sal-aħħar tas-sena, iżda bħal ma ġara prattikament f’kull ħaġa li qal Delia, spiċċa għamel mod ieħor. Delia jridna nemmnu li se jkun il-vuċi alternattiva fil-qasam tal-ġustizzja, iżda hu qed jimxi bil-maqlub ta’ kif jimxu għexirien ta’ ħaddiema tal-kitba u tal-id li jħallsu l-kontijiet tat-taxxa tagħhom mill-ewwel.

Il-viltà kollha tikber aktar, meta għandu kont bħal dak pendenti, jgħid li għandu problemi finanzjarji personali, iżda jixtri post ieħor fis-Siggiewi. Sinjuri, dan huwa l-palladin tal-Oppożizzjoni li jrid jitkellem fuq il-ġustizzja!

It-tieni, nhar il-Ħadd Delia qal quddiem il-miġemgħa tas-soltu li l-Partit Nazzjonalista jinsab magħqud. Hekka magħqud! Il-portafol tal-ġustizzja ħadu min id Jason Azzopardi, li ovvjament lanqas hu m’għandu proporzjon ta’ ġustizzja, membru Parlamentari magħruf li ħadem kontra Delia li jilħaq Kap. Delia pattiha lil Jason Azzopardi, kif pattiha ma’ ħafna oħrajn fil-Partit Nazzjonalista talli ma ħadmux għalih.

Vera fetaħ il-bibien, iżda flok biex jidħlu n-nies, biex joħorġu!

L-isbaħ ħaġa iżda li lil Jason Azzopardi tah il-portafol tal-Ambjent! L-istess Membru Parlamentari li għandu rapport wara l-ieħor ta’ kundanna mill-Awditur Ġenerali għall-frejjeġ li wettaq meta kien responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet, illum se jkun il-vuċi tal-Oppożizzjoni. Dik ipokrezija grassa.

L-istraġi interna li għandu internament Delia fil-Partit Nazzjonalista tidher aktar minn qatt qabel f’dan ix-shadow cabinet li waqqaf. Shadow cabinet li skontu ma kienx hemm ħtieġa ta’ taqlib fih għax kien sejjer tajjeb kif wirtu mingħand Simon Busuttil li issa huwa l-kelliem tal-Oppożizzjoni għal Good Governance, ħatra li kumbinazzjoni ġiet ġimgħa wara l-konferma mill-Qorti tal-għoti ta’ aktar minn €1.5miljuni f’direct orders lil kumpanija tiegħu minn Amministrazzjoni Nazzjonalista, b’uħud anke meta kien Viċi Kap. Dik good governance!

U filwaqt li għaddejjha din il-kummiedja fuq atti nfiniti, il-poplu se jibqa’ jistenna li min irid jibda jitkellem fuq ġustizzja, almenu l-ewwel ħaġa li jagħmel hija li jwettaq ġustizzja mal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend