Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, enfasizza l-impenn ta’ Malta biex jissaħħu r-rabtiet mal-Bulgarija. Meta kien qed jindirizza Forum tan-Negozju bejn il-Bulgarija u Malta f’Sofija nhar it-Tnejn, il-5 ta’ Frar 2018, huwa qal li Malta trid taqsam l-kompetenza u l-ħiliet mal-Bulgarija fi spirtu ta’ sħubija, hekk kif iż-żewġ pajjiżi jkomplu għaddejjin bit-tkabbir ekonomiku li esperjenzaw f’dawn l-aħħar snin. Dan il-forum ġie organizzat bħala parti minn Żjara Statali tal-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, fil-Bulgarija.
B’kollox ġew iffirmati ħames ftehimiet;
- Ftehim ta’ koperazzjoni bejn il-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Intraprenditorija, u l-Industrija, u l-Kamra Bulgara tal-Kummerċ u l-Industrija, sabiex tiġi ffaċilitata l-koperazzjoni u jibnew il-pontijiet bejn il-komunitajiet tan-negozju fiż-żewġ pajjiżi;
- Memorandum ta’ qbil bejn Trade Malta u l-Aġenzija Bulgara għall-Promozzjoni tal-Impriżi Żgħar u Medji bl-iskop li titħeġġeġ il-koperazzjoni fl-oqsma tal-kummerċ u tal-investiment;
- Memorandum ta’ qbil bejn l-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi (il-MEDAC) tal-Università ta’ Malta u l-Università tal-Ekonomija Nazzjonali u Dinjija f’Sofija, immirat biex jippromwovi u jsaħħaħ l-iskambji xjentifiċi, kulturali, akkademiċi, u professjonali;
- Memorandum ta’ qbil bejn il-Kamra Għawdxija tan-Negozju u l-Kamra tan-Negozju Bulgara-Maltija, maħsub biex jissaħħu r-rabtiet ekonomiċi u kummerċjali, u;
- Memorandum ta’ qbil bejn il-Kamra Għawdxija tan-Negozju, u l-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija tal-Belt ta’ Burgas, bl-iskop ewlieni li jingħataw sostenn u promozzjoni lill-attività ta’ kumpaniji fiż-żewġ reġjuni sabiex tgħinhom jiżviluppaw relazzjonijiet ekonomiċi.
F’Sofija, il-Ministru Abela akkumpanja lill-President Coleiro Preca wkoll waqt taħditiet uffiċjali mal-President tal-Bulgarija, Rumen Radev, u mal-Prim Ministru Boyko Borissov. Kellu wkoll laqgħa bilaterali mad-Deputat Prim Ministru għar-Riforma Ġudizzjarja u Ministru tal-Affarijiet Barranin, Ekaterina Zaharieva, li magħha ddiskuta r-relazzjonijiet bilaterali u toroq ġodda ta’ koperazzjoni. Tkellmu wkoll dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni, fosthom is-sigurtà fl-Ewropa u r-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-fenomenu tal-migrazzjoni. Laqgħa bilaterali oħra saret mal-Ministru Bulgaru għall-Ekonomija, Emil Karanikolov. It-taħditiet iffukaw fuq kif Malta u l-Bulgarija jistgħu jisfruttaw il-potenzjal għal aktar koperazzjoni kummerċjali bejniethom. F’dawn il-laqgħat, il-Ministru Abela kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Bulgarija, Lino Bianco