Stħarriġ Ewropew dwar is-sodisfazzjon tal-ħajja u l-kuntentizza wera li Maltin huma sodisfatti b’ħajjithom u bis-servizzi pubbliċi li qed jingħataw f’bosta oqsma fosthom dawk tas-saħħa, tal-edukazzjoni, iċ-childacre, l-akkomodazzjoni soċjali u s-sistema tal-pensjonijiet.
L-istħarriġ intititloat European Quality of Life sar fl-aħħar tliet xhur tal-2016 fost aktar minn sitta u tletin elf ċittadin Ewropej.
Dwar is-sodisfazzjoni tal-ħajja u l-kuntentizza, l-istħarriġ sab li waqt li fl-aħħar ħames snin kien hemm tnaqqis qawwi fost iċ-ċittadini Kroati, Ċiprijotti, Griegi, Spanjoli u Taljan, min-naħa l-oħra l-Awstrijaċi, l-Estonjani u l-Maltin rreġistraw żieda qawwija fis-sodisfazzjon tal-ħajja li qed jgħixu.
Fl-indiċi tal-kuntentizza u s-sodisfazzjoni tal-ħajja, Malta kklasifkat fid-disa’ post minn tletin pajjiż, bir-rata ta’ pajjiżna tkun ogħla mill-medja Ewropea u qabel dik ta’ ċittadini fil-Belġju, il-Ġermanja, il-Polanja, Franza u l-Italja. Imqabbel mal-2011, ir-rati f’Malta żdiedu kemm fl-indiċi tal-kuntentizza u anke fis-sodisfazzjon tal-ħajja.
Mistoqsijin kemm iħossuhom ottimisti dwar il-ġejjieni tagħhom, ta’ wliedhom u n-neptutijiet, l-istħarriġ wera li l-Maltin żiedu l-ottimiżmu minn 63 fil-mija fl-2007 għal 72 fil-mija dwar il-ħajja personali tagħhom u 77 fil-mija għal uliedhom u wlied uliedhom.
B’riżultat ta’ 7.1, Malta kklassifikat bir-raba’ l-aqwa s-servizzi pubbliċi. L-istħarriġ sab li Malta kellha l-aqwa servizzi ta’ childcare, it-tieni l-aqwa servizzi fl-iskejjel, housing soċjali u kura fit-tul. Wera wkoll li pajjiżna kellu t-tielet l-aqwa servizzi tas-saħħa u s-sebgħa l-aqwa sistema ta’ pensjonijiet fost il-pajjiżi kollha tal-UE. Il-Maltin kienu ferm anqas sodisfatti dwar is-servizz tat-trasport pubbliku, b’Malta tiġi kklassifikata fit-22 post.
L-istħarriġ sab li Malta kellha t-tielet l-aqwa servizzi tas-saħħa bir-rata titla’ minn 7.2 fl-2011 għal 7.6 fl-2016. L-istħarriġ wera wkoll li s-servizzi fl-isptarijiet kienu t-tieni l-aqwa fost il-pajjiżi kollha tal-unjoni ewropea bi 8 punti minn għaxra.
Malta rreġistrat ukoll fost l-aqwa servizzi għall-kura fit-tul għall-anzjani b’seba’ punti minn għaxra.
Matul l-2016, bi tmienja punti minn għaxra, Malta kellha l-aqwa servizzi ta’ childcare, segwita mill-Finlandja u l-Awstrija b’7.9 punt.
L-istħarriġ wera wkoll li l-Maltin huma fost l-aktar ċittadini Ewropej li jqisu li m’hemmx korruzzjoni fl-għoti ta’ servizzi pubbliċi.
Fil-fatt Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ fairness fis-servizzi ta’ kura fl-isptarijiet, fil-kura fit-tul, it-tielet l-aqwa fis-servizzi ta’ childcare u fl-iskejjel.
B’61 fil-mija, Malta kellha l-ikbar problema bit-traffiku u segwita mill-Belgju bi 52 fil-mijja u l-bulgarija b’45 fil-mija.
Dwar il-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, Malta kellha r-raba l-anqas problema fl-Unjoni Ewropea. Ir-rapport jinnota li l-akbar sfida fil-qasam tal-housing hija fost dwar li jikru mis-suq privat.
Madankollu, fost iċ-ċittadini Ewropej, l-akbar uġigh ta’ ras kien fost dawk li għandhom self fuq id-dar tagħhom.
Dwar il-fiduċja fil-Gvern, l-istħarriġ sab li l-Maltin kienu l-eċċezzjoni ta’ pajjiżi oħrajn bil-fiduċja fil-Gvern tisboq dik ta’ isituzzjonijiet oħrajn fosthom il-parlament u l-midja. L-istħarriġ wera wkoll li l-Maltin huma s-seba’ l-aktar pajjiż Ewropew li għandu fiduċja fl-istituzzjonijiet tiegħu.