Żewġ eks-membri tat-tim nazzjonali tal-futbol ta’ taħt il-21 sena nstabu ħatja ta’ korruzzjoni wara li l-Qorti tal-Appell bidlet sentenza preċedenti li biha ħarġu liberati.
Kyle Cesare ta’ 22 sena u Emanuel Briffa ta’ 23 sena ġew sospiżi mill-UEFA għal għomorhom b’rabta’ ma’ każ ta’ korruzzjoni fil-logħbiet li t-tim Malti lagħab kontra l-Montenego u r-Repubblika Ċeka.
It-tnejn li huma kienu tressqu l-Qorti wara li plejer li sar whistleblower allega li ż-żewġ plejers kienu involuti f’korruzzjoni waqt logħba bejn Malta u l-Montenegro.
Iż-żewġ plejers kienu nħelsu mill-akkużi lura f’Awwissu. Il-Maġistrat innotat kif iż-żewġ żgħażagħ kienu vittmi, kif ukoll li kienu mmaturi.
Il-Qorti ħelsiethom minn responsabbilta’ kriminali hekk kif huma ġabu ruħhom b’dan il-mod għax kienu taħt pressjoni kbira li ma setgħux jirreżistu.
Iżda l-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Maġistrat Giovanni Grixti kkonkludiet li ma kien hemm ebda evidenza li tappoġġja din il-konklużjoni mill-ewwel Qorti. Il-Qorti ma setgħetx tifhem kif il-Qorti tal-Maġistrati waslet għal din il-konklużjoni hekk kif kien hemm biżżejjed evidenza biex turi l-involviment taż-żewġ żgħażagħ.
Kien għalekk li fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti tagħthom il-liberta’ kkundizzjonata għal perjodu ta’ sentejn.