Mila hi kelba ċkejkna li kellha d-destin tagħha mibdul għall-aħjar meta ġiet salvata minn ħalq il-mewt f’Raħal Ġdid u ngħatat ċans ieħor għal ħajja aħjar. Dan hekk kif Mila nstabet fi skip f’Raħal Ġdid f’kaxxa maqfula bit-tape l-Ġimgħa filgħaxija. Iżda fortunatament hi nstabet fil-ħin u issa tinsab f’dar ma’ familja li lesta tofrilha l-imħabba kollha li ħaqqa.
Mila hi waħda minn bosta annimali li jiġu mitluqa barra għax is-sid preċedenti ma jkunx iridhom, u minħabba f’hekk isofru moħqrija. Kienu bosta li kkummentaw fuq Facebook kif Mila hi vera fortunata li sabet lil xi ħadd b’qalb twajba u li sfortunatament mhux kull annimal għandu dik ix-xorti.