Ta' min il-Monument? | One News

Notifiki

Ta’ min il-Monument?

Il-monument, jagħmlu min jagħmlu, jsir ta’ kulħadd.  U ħadd ma għandu dritt jibdlu, l-aktar u l-aktar meta jkun hemm rabta mal-ġrajja nazzjonali.

Dawk li jħambqu fuq ir-rule of law, jiġifieri li l-liġi għandha tkun indaqs għal kulħadd, ippretendew li l-monument ta’ l-Assedju quddiem il-Qorti jsir qisu niċċa għal Daphne Caruana Galizia. Kien hemm mara li dehrilha mod ieħor u neħħiet kull ma kien hemm u kien ilu hemm,  saħansitra meta kien hemm l-ewwel ġurnata taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Belt bħala kapitali tal-kultura.

Wieħed forsi jifhem ir-reazzjoni għal ftit żmien imma ma tistax tibqa’ sejra għall-eternità.   F’Malta ssib ħafna lapidi tal-irħam b’wiċċ ta’ xi ħadd li miet b’diżgrazzja qrib fejn tkun ġrat.  Jekk isir il-Bidnija m’għandi l-ebda problema jien.  U kif qrat jekk ikun hemm fuq il-qabar tagħha, dritt li tqim il-mejtin.

Imma fuq il-monumenti hemm liġijiet li għandna nosservaw. Jekk nemmnu fir-rule of law.

L-artiklu 161 tal-Kodiċi Kriminali,  li kien għamel enfasi ħafna fuqu Dr Louis Galea meta kien Ministru, jgħid hekk : “Kull min ikisser, iġarraf, jisfigura jew b’xi mod ieħor jagħmel ħsara lil monumenti, statwi jew oġġetti oħra ta’ arti, li qegħdin għall-vantaġġ pubbliku jew għat-tisbiħ pubbliku u li jkunu ġew imwaqqfin mill-awtorità pubblika, jew bis-setgħa tagħha, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa tmintax-il xahar jew ta’ multa ta’ mhux iżjed minn tliet elef u ħames mitt euro (€3,500): Iżda l-qorti tista’, fil-każijiet ħfief, tapplika waħda jew oħra mill-pieni stabbiliti għall-kontravvenzjonijiet.”

“Jisfigura” ma jfissirx b’mod permanenti.   L-istess bħal meta nitkellmu fuq li jisfiguraw wiċċek.  Tista’ tisfigurah b’mod permanenti, u tista’ tisfigurah f’daqqiet ta’ ponn, li jgħaddu wara żmien.

Fil-Qrati tagħna, fejn tidħol il-liġi kriminali, spiss infittxu sentenzi tal-Qorti Suprema Taljana, il-Kassazzjoni.  U għalhekk ħafna drabi fis-sentenzi meta l-Maġistrat jew Imħallef fl-appell ikun qed jaqra sentenza, kapaċi tinzerta xi biċċa bit-Taljan.

Ġietni l-kurżità. U fittixt. Sentenza tal-Kassazzjoni Taljana ta-9 ta’ Jannar, 2013, qalet li min iqiegħed kartellun ma’ post ta’ interess storiku, ikun qed jikkommetti reat serju ta’ “deturbamento e imbrattamento”.  L-ewwel kelma tfisser “tisfigura”  u t-tieni kelma tfisser “tħammeġ”.

Nittama li kulħadd jara s-sens komun u josserva r-rule of law. Jew dik tapplika biss meta jaqbel lil dak li jkun.

Ir-reat ma għamlitux il-mara li neħħiet il-kitbiet, imma min għamilhom hemm.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend