Pieni iktar ħorox f’każ ta’ stupru – One News

Notifiki

Pieni iktar ħorox f’każ ta’ stupru

Il-liġi Maltija se tkun iktar iebsa fil-konfront ta’ dawk li jwettqu r-reat ta’ stupru. Filwaqt li bidliet li se jsiru fil-liġi jagħtu definizzjoni iktar wiesgħa ta’ x’inhu stupru.

Dawn huma inklużi fil-liġi li hemm quddiem il-Parlament dwar il-vjolenza domestika li wara li għaddiet mit-tieni qari issa se tkun diskussa fi stadju ta’ kumitat. Fost oħrajn tispikka ż-żieda fil-piena li minn minimu ta’ 3 snin għal massimu ta’ 9 snin din se tinbidel minn minimu ta’ 6 snin għal massimu ta’ 12- il sena.

Din qed tkun deskritta bħala żieda notevoli li tirrifletti s-serjetà tar-reat f ’għajnejn il-leġiżlatur. Reat li fuq il-perjodu bejn l-2008 u l-2016 kien rapportat madwar 160 darba b’persuni li jaħdmu mal-vittmi u fis-settur tal-vjolenza domestika jinnutaw żidiet anke minħabba li qed jonqos it-tabù li kien iwassal biex każi bħal dawn ma jkunux irrapportati dejjem.

Iżda, dik fil-piena mhijiex l-unika bidla. Il-liġi kif inhi bħalissa ma tagħtix definizzjoni ta’ x’inhu eżatt ir-reat ta’ stupru. Issa, l-abbozz il-ġdid jgħid li l-istupru, minbarra n-nuqqas ta’ kunsens, jeħtieġ penetrazzjoni fiżika. Il-kunsens huwa kunċett ġdid għax il-liġi kif inhi bħalissa teħtieġ l-element ta’ vjolenza biex ikun hemm ir-reat ta’ stupru.

Dan inbidel għal kunsens għaliex mhux dejjem ikun hemm vjolenza f ’kull stupru, u huwa mifhum fis-soċjetà moderna li huwa n-nuqqas ta’ kunsens tal-vittma li jwassal għal stupru. Il-liġi toffri dettall ta’ kif jista’ jew ma jistax jingħata l-kunsens biex ikun hemm ċertezza li waqt li l-vittmi jkollhom il-protezzjoni neċessarja, ma jinstabux ħatja nies li ma stuprawx. Din hi bidla fejn iddaħħal ukoll il-kunċett ta’ danni morali.

Għax il-vjolenza mhux dejjem tirriżulta f ’danni fiżiċi jew telf finanzjarju. Iżda kważi dejjem tikkawża danni morali u psikoloġiċi. Dan hu kunċett li għadu ġdid fil-qrati Maltin. Kunċett ġdid ieħor li qed jiddaħħal hu li l-kumpens finanzjarju jista’ jitħallas binnifs. Dan biex waqt li l-vittma tingħata lura dak li hu tagħha, min wettaq ir-reat ma jkollu l-ebda skuża li jfalli minn obbligi oħrajn li diġà kellu, bħal pereżempju ħlas ta’ manteniment.

Mitluba tikkummenta dwar dawn il-bidliet, il-Ministru għall-Ugwaljanza u Drittijiet Ċivili Helena Dalli qalet li l-piena minima ta’ 6 snin sa massimu ta’ 12-il sena tista’ tiżdied f ’każ ta’ aggravazzjoni, pereżempju, minħabba li jsir fuq minorenni. “Apparti dan, qed inbiddlu wkoll il-mod li bih każ jista’ jasal il-Qorti. Filfatt dawn il-każijiet mhux se jibqgħu javvanzaw biss jekk tirrapporta l-vittma nnifisha, imma jistgħu javvanzaw jekk jirrapporta ħaddieħor jew wara rapport mill-pulizija. Hekk se niżguraw li stupru u vjolenza oħra abbażi tal-ġeneru ma jibqgħux il-problemi tal-vittmi, imma jsiru verament il-problemi tas-soċjetà kollha,” qalet il-Ministru Helena Dalli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend