Matul is-sena li għaddiet madwar mija u ħamsin tifel u tifla ntbagħtu għall-kura tal-kanċer fi sptarijiet madwar l-Ewropa.
Ħabbar dan il-Viċi Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien qed jieħu sehem f’konferenza mtella’ mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Kanċer fi ħdan l-Uffiċċju tal-President u li ttrattat l-impatti li jħalli l-kanċer fuq it-tfal.
Il-Psikologa Dr Gabriella Cassar mill-Karl Vella Foundation qalet li għalkemm f’ħafna każijiet ikun hemm tama’ ta’ fejqan, l-aħbar ta’ persuna għażiża li tkun mardet bil-kanċer tħalli xokk kbir għaliha u għall-għeżież tagħha. Xokk li jġib miegħu vjaġġ ta’ emozzjonijiet u ħsibijiet li jħallu riperkussjonijiet kbar.
Dr Cassar qalet li l-innoċenza tat-tfal twassal biex ħafna drabi ma’ jifhmux x’ikun qed jiġri meta jgħaddu minn esperjenza bħal din. Hi saħqet li l-marda tal-kanċer iġġib magħha piżijiet kbar tant li ħafna drabi tfal li jgħixu f’familji ta’ persuni morda bil-kanċer jgħaddu minn tbatija fuq livell differenti.
Il-Ministru tas-Saħħa Chris Faerne qal li minkejja li f’ pajjiżna, il-kanċer fit-tfal mhux komuni, l-Isptar Mater Dei qiegħed jaħdem biex jingħaqad ma’ diversi entitajiet mediċi Ewropej li jistgħu jsaħħu l-kwalita u l-effiċjenza tal-kura li tingħata lil dawn it-tfal.
Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, saħqet li l-kanċer fit-tfal iġib miegħu sfidi soċjali u emozzjonali kbar u spjegat li l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Kanċer tiżgura servizz holistiku, koordinat u sostenibbli għall-pazjenti kollha tal-kanċer u l-maħbubin tagħhom.