Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg laqa’ fil-Ministeru tiegħu lill-Assistent Ministru għall-Politika tal-Kostruzzjoni tal-Ministeru għall-Art, l-Infrastruttura u t-Trasport tar-Repubblika tal-Korea Kim Il Pyeong.
Il-Ministru u l-Assistent Ministru iddiskutew diversi modi ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Borg aġġorna lill-Assistent Ministru dwar ix-xogħlijiet infrastrutturali li għaddejjin f’Malta, filwaqt li spjega l-wegħdiet elettorali relatati u ddiskuta l-Aġenzija tat-Toroq, li se tiġi mwaqqfa fix-xhur li ġejjin.
Id-diskussjoni ffukat ukoll fuq il-mina proposta bejn Malta u Għawdex, u l-Ministru Borg ta wkoll informazzjoni dwar il-progress li sar sa issa f’dan il-lat.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tar-Repubblika tal-Korea offra li jinqasmu t-teknoloġiji u l-esperjenza f’dan ir-rigward, filwaqt li stieden lill-Ministru Borg għall-Konferenza Globali tal-Kooperazzjoni fl-Infrastruttura (GICC), li hija ppjanata għas-7 ta’ Settembru 2018 fil-Korea t’Isfel.
Waqt din il-laqgħa ġiet diskussa wkoll l-intenzjoni li jiġi estiż il-Memorandum ta’ Ftehim li kien ġie ffirmat fir-Repubblika tal-Korea f’Novembru tal-2015.