Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kompliet il-kumpilazzjoni kontra t-tliet akkużati bil-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia, wara li fil-21 ta’ Diċembru kienet qalet li kien hemm biżżejjed provi biex it-tliet akkużati jitressqu taħt att t’akkuża biex jgħaddu ġuri.
F’awla b’attendenza numeruża, fil-bidu tas-seduta, l-avukat difensur ta’ Alfred Degiorgio “il-Fulu”, William Cuschieri, informa lill-Maġistrat b’rikors mid-difiża dalgħodu dwar l-irwol ta’ rappreżentant tal-Avukat Ġenerali f’dawn il-proċeduri hekk kif l-Avukat Ġenerali qed jassisti l-prosekuzzjoni.
Għaldaqstant irriżerva d-dritt tal-isfilz ta’ xhieda. Liema rikors ġie informalment mgħoddi lil Dr. Philip Galea Farrugia mill-Avukat Ġenerali; li min-naħa tiegħu, talab lid-difiża tispjega liem artiklu mil-liġi qed ikun kkwotat.
Il-Qorti tat jumejn ċans għal risposta.
Fl-awla kien innutat li Dr. Josette Sultana, li qed tassisti lil George Degiorgio “iċ-Ċiniż”, ma kinitx preżenti. Il-Maġistrat qalet li fl-assenza tal-avukat, ma kinitx se tisma’ provi.
Intant, l-ewwel xhud qal li matul l-aħħar ġimgħatejn qabel il-qtil, ra karozza żgħira bajda li kienet tidher tal-kiri hekk kif il-pjanċi kienu jispiċċaw bl-ittri “QZ”.
Xehed li darba ra raġel fiha u ħa l-impressjoni li seta’ kien barrani – x’aktarx Għarbi jew Libjan.
Il-post fejn ra l-karozza kienet ftit ‘il fuq mir-residenza ta’ Daphne Caruana Glizia, proprju viċin fejn seħħ il-qtil.
Ix-xhud joqgħod viċin fejn seħħ il-każ, u fil-Qorti nnota li dakinhar tal-qtil, il-karozza kienet hemm għall-ħabta ta’ nofsinhar.
Warajh xehdet martu, li kkonfermat ħafna mid-dettalji tax-xhieda ta’ żewġha.