L-ogħla livell ta' ottimiżmu ekonomiku qatt reġistrat fost il-familji f'pajjiżna | One News

Notifiki

L-ogħla livell ta’ ottimiżmu ekonomiku qatt reġistrat fost il-familji f’pajjiżna

Stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea li sar fost 1,500 kumpanija u 1,000 familja fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Jannar juri li f’Malta hawn l-ogħla livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro. Imqabbel mal-istess xahar fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern fl-2013, l-ottimiżmu hu 27% ogħla.

L-akbar ottimiżmu kompla jispikka fost l-operaturi fis-settur tas-servizzi li jinkludu kumpaniji fis-settur finanzjarju u f’tal-gaming. Dawn għandhom livell ta’ kunfidenza d-doppju tal-medja Ewropea.

Filwaqt li l-Oppożizzjoni tgħid li hawn inċertezza f’dawn l-oqsma, mal-Kummissjoni Ewropea dawn in-negozji qalu eżatt l-oppost. Ħafna operaturi fil-qasam tas-servizzi sostnew li għandhom aspettattivi aħjar għax-xhur li ġejjin – minkejja li diġà marru tajjeb fix-xhur li għaddew –  u għalhekk qed ibassru li se jkomplu jżidu l-ħaddiema fix-xhur li ġejjin.

Fil-qasam tar-retail ħafna operaturi qed jistennew żieda fil-bejgħ u għalhekk se jżidu l-impjiegi, filwaqt li fl-industrija ħafna fabbriki qed ibassru titjib fil-produzzjoni u għalhekk żieda fil-ħaddiema hekk kif diġà għandhom ordnijiet b’lura għal tliet xhur.

Fil-qasam tal-kostruzzjoni, skont l-operaturi, kien hemm żieda qawwija fl-attività u għalhekk se jfittxu li jħaddmu aktar nies hekk kif diġà għandhom xogħol b’lura għal seba’ xhur.

Fost il-familji Maltin ġie osservat l-ogħla livell ta’ ottimiżmu mindu l-Kummissjoni Ewropea bdiet tagħmel dan l-istħarriġ xahar wara xahar fl-2002. Fil-fatt, il-familji f’pajjiżna baqgħu fost il-ftit fl-Ewropa li qed jgħidu li l-qagħda finanzjarja tagħhom se titjieb.

Il-familji qed iħossu li l-ekonomija kibret, tant li qed jistennew li l-qgħad se jkompli jonqos. Filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea jeżisti pessimiżmu fost il-konsumaturi, f’Malta hawn l-ogħla proporzjon ta’ nies li bħalissa qegħdin f’pożizzjoni li jagħmlu akkwisti relattivament kbar bis-saħħa tal-qagħda finanzjarja tagħhom.

Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea juru kemm jeżisti sens qawwi ta’ ottimiżmu bla preċedent fost il-familji u n-negozji f’pajjiżna. Dan jirrifletti l-fiduċja kbira li jgawdi l-programm ta’ ħidma tal-Gvern fis-settur ekonomiku, minkejja n-negattiviżmu tal-Oppożizzjoni u tal-kampanja distruttiva li qed tagħmel biex tipprova tnaffar l-investiment minn pajjiżna.

Il-Gvern jinsab determinat li fix-xhur li ġejjin ikompli jpoġġi lil pajjiżna fuq sisien sodi għall-futur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend