Alfred Sant favur trasport bi prezzijiet raġjonevoli fir-reġjuni insulari u fil-periferija tal-UE | One News

Notifiki

Alfred Sant favur trasport bi prezzijiet raġjonevoli fir-reġjuni insulari u fil-periferija tal-UE

L-UE għandha tiggarantixxi trasport bi prezzijiet raġjonevoli fir-reġjuni kollha tagħha, speċjalment f’dawk insulari, fil-periferija u f’reġjuni b’popolazzjonijiet żgħar fl-Unjoni. Dan qalu Alfred Sant waqt li ressaq l-emendi tiegħu tar-Rapport Annwali tal-Parlament Ewropew dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni bħala Shadow Rapporteur għall-S&D fil-Kumitat Ekonomiku u tal-Affarijiet Monetarji tal-Parlament Ewropew (ECON). Dr Sant daħħal emendi dwar il-liberalizzazzjoni fis-settur tat-trasport, il-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni fid-dinja diġitali, dwar Google, il-liberta` biex aġenti tal-ivvjaġġar ‘online’ ibigħu biljetti tal-ajru bla xkiel, is-separazzjoni ċara tal-poteri tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni, u l-kompetizzjoni fis-settur tal-ikel u fl-agrikoltura.

L-Ewroparlamentari esprima s-sodisfazzjon li setturi importanti qed jingħataw rikonoxximent permezz tal-proposti tar-Rapporteur tal-Grupp Politiku ALDE Ramon Tremosa u bl-emendi li ressaq. Ir-rapport mistenni jitla’ għall-vot waqt il-plenarja ta’ Marzu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Dr Sant qal li l-emendi dwar Google jidhru b’mod prominenti.

“Irridu nitkellmu dwar Google b’mod ċar, b’mod razzjonali. Ma nistgħux ninjorawh għax b’hekk inkunu qegħdin ninjoraw l-iljunfant fil-kamra.”

L-Ewroparlamentari qal li l-aġenziji tal-ivvjaġġar ‘online’ qed jilmentaw li qed jitwarrbu mis-suq anke minħabba li ċerti linji tal-ajru jimponu ħlasijiet addizzjonali għal dawk li ma jibbukkjawx mas-siti tagħhom. Leġiżlazzjoni adattata għandha tevita aġir mhux kompetittiv fid-distribuzzjoni tal-biljetti bl-għan li l-biljetti tal-ajru jkunu orħos għall-vjaġġaturi kollha fl-Ewropa.

Dr Sant qal li d-Direttorat tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni għandu jingħata biżżejjed riżorsi.

“Naqbel li l-Kummissjoni Ewropea tingħata r-riżorsi meħtieġa u jkun hemm separazzjoni stretta u trasparenti bejn id-dipartimenti li jfasslu l-linji gwida, u dawk li jimplimentawhom f’każijiet speċifiċi. Għandna nevitaw sitwazzjonijiet fejn id-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni jkun il-prosekutur, l-imħallef, il-ġurija u dak li jeżegwixxi.”

Dr Sant wera s-sodisfazzjon li permezz t’emendi tiegħu u kompromessi li nksibu mill-S&D il-kwistjoni ta’ diskrepanzi bejn il-prezzijiet tal-ikel offrut lill-konsumatur u dawk li qed jingħataw lill-bdiewa għall-prodotti tagħhom qed tiġi ndirizzata. Min hu dgħajjef għandu jiġi mħares.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend