Tmur fl-aħħar minuta ssarraf LM27,000 | One News

Notifiki

Tmur fl-aħħar minuta ssarraf LM27,000

Fadal ftit ċans sabiex jissarrfu l-karti tal-liri Maltin f’Ewro iżda l-bank ċentrali baqalu jiġbor aktar minn ħamsa u tletin miljun Euro.

Huwa għalekk li l-Bank Ċentrali qed iħeġġeġ lil kull min għad baqalu minn dawn il-flus moħbijin taħt xi maduma sabiex sal-Erbgħa filgħodu jżur il-bank ċentrali sabiex ikun jista’ jsarrafhom sabiex ma jintilfux.

Ċifri miksuba minn ONE NEWS juru li matul dan ix-xahar, wieħed mill-persuni li mar il-Bank Centrali bidel is-somma ta’ 27,000 elf lira Maltin.

Is-Sur Jesmond Gatt mill-Bank Ċentrali ta’ Malta sostna li baqa’ 35 miljun minn 36 miljun fi flus x’jissarfu. Mat-tokki ta’ nofsinhar tal-jum tal-Erbgħa dawn il-flus mhu se jibqgħu jiswew xejn u uffiċjalment ikun ingħalaq separju ieħor fl-istorja monetarja ta’ pajjiżna. Prattikament, wara għada, il-karti tal-flus Maltin ma jiġu jiswew xejn.

Is-Sur Gatt spjegal li l-flus li ma jinġabrux sa jumejn oħra jiġu ddikjarati bħala profitt ta’ darba għall-Bank Ċentrali. Wara li jsir dan, parti minn dan il-profitt jgħaddi direttament għand il-Gvern.

Ċifri li kiseb ONE NEWS juru li l-Malti jħobb iħalli għall-aħħar tant li l-flus li nġabru matul dan ix-xahar ammontaw għax xejn anqas minn mitejn elf lira Maltin, ftit anqas minn erbgħa mija u sebgħin elf ewro.

L-akbar somma li nġabar f’Jannar kienet dak ta’ sebgħa u għoxrin elf lira Maltin. Dawn inġabru mingħand klijent li mar fil-Bank Ċentrali fid-dsatax ta’ Jannar. Dan ħa miegħu d-dar xejn inqas minn tlieta u sittin elf ewro.

Meta mistoqsi fejn jaħseb li qegħdin dawk il-ħamsa u tletin miljun ewro li għadhom ma nġabrux, is-Sur Gatt semma bosta raġunijiet fosthom li wħud minnhom jistgħu ikunu mitlufa kif ukoll nuqqas ta’ għarfien.

 

Is-Sur Gatt temm jappella lil kull min għad baqalu dawn il-karti tal-Liri Maltin sabiex imur il-Bank Ċentrali ta’ Malta sat-Tlieta f’nofsinhar sabiex ikun jista’ jsarrafhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend