Barthet ma tiċħadx li rriżenjat minn Assistenta Personali ta’ Delia – One News

Notifiki

Barthet ma tiċħadx li rriżenjat minn Assistenta Personali ta’ Delia

Janet Barthet irriżenjat mill-kariga ta’ Assistent Personali tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu ma’ ONE NEWS li Barthet se tkun l-Assistenta Personali taċ-Chairman Eżekuttiv tal-midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli.

Janet Barthet kienet persuna viċin ħafna tal-kap Nazzjonalsita Adrian Delia tant li sa mill-bidu tal-kampanja li waslitu biex jinħatar Kap, Delia ħaseb f’Barthet sabiex tkun fost l-ewwel nies li jingħataw kariga fil-Partit Nazzjonalista.

Madankollu, Janet Barthet damet f’din il-kariga erba’ xhur biss.

Sorsi fid-Dar Ċentrali qalu lil One News li Barthet ħadet din id-deċiżjoni wara li rat bidla fl-atteġġjament ta’ Delia, mill-kampanja għat-tmexxija għal Kap.

Is-sorsi tagħna qalu li l-maskra li libes fil-kampanja għat-tmexxija waqgħet ftit ġranet biss wara li daħal fil-kariga ta’ Kap.

Is-sorsi żiedu li nuqqas ta’ preżenza ta’ Adrian Delia fid-Dar Ċentrali kienet raġuni oħra għaliex dejqet lil Barthet. Dan minħabba l-konfużjoni ta’ min se jmexxi fin-nuqqas tiegħu.

Żiedu jgħidu li fin-nuqqas tiegħu, tirrenja l-pika bejn is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, iż-Chairman Eżekuttiv tal-midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli u d-deputat Herman Schiavone li t-tlieta li huma jippretendu li tgħaddi tagħhom.

Qalu li l-ftit ħin li jkun id-Dar Ċentrali – Adrian Delia jkun irrabjat u jispikkaw anke mumenti fejn ikun aggressiv u jitkellem b’ton li mhux denju ta’ kap tal-oppożizzjoni.

Ir-riżenja ta’ Janet Barthet issegwi riżenji oħrajn fost esponenti li appoġġjaw lil Adrian Delia.

Intant, malli s-sit one.com.mt żvela li Barthet irriżenjat minn Assistenta Personali ta’ Delia … Barthet ħadet ritratt ma’ Adrian Delia u t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

Madankollu, hija ma ċaħditx li rriżenjat minn Assistenta Personali ta’ Delia.

Apparti r-riżenja ta’ Barthet, One News jinsab infurmat ukoll li Natanel Muscat irriżenja mill-kariga ta’ uffiċjal responsabbli mill-kommunikazzjoni.

Muscat kien beda l-kariga tiegħu fil-Partit Nazzjonalista taħt l-ex kap Nazzjonalista Simon Busuttil.

Ġimagħtejn ilu, David Bonello irriżenja mill-kariga tad-Direttur Informazzjoni xahrejn biss wara li daħal fil-kariga.

Is-Sur Bonello kien ukoll persuna li appoġġja lil Adrian Delia sa mill-bidu, iżda jidher li ddejjaq ukoll bil-konfużjoni fil-Partit Nazzjonalista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend