Il-Ħadd filgħodu beda jingħata l-asfalt fi Triq A. Cachia Zammit fiż-Żejtun. Ix-xogħol tal-asfalt beda wara li l-proġett ta’ bini mill-ġdid tat-triq ħa bosta xhur b’inkonvenjent kbir għar-residenti u l-komunità kummerċjali fl-inħawi.
Waqt żjara li l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg għamel il-Ħadd filgħodu fuq il-lant tax-xogħol, Dr Borg tkellem dwar id-diffikultà li nqalgħet minħabba x-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ din it-triq, li kien jinkludi wkoll servizzi tal-ilma ġodda taħt l-art.
Huwa qal li fl-aħħar xhur saret ħidma biex jingħelbu bosta diffikultajiet mill-aktar fis.
Dr Borg ta ħajr lid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta, lill-kuntratturi u l-entitajiet li kkollaboraw f’dan il-proġett u lir-residenti tal-appoġġ tagħhom. Madankollu huwa insista ma’ dawk kollha involuti sabiex jitgħallmu mid-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom tul dan il-proġett u jaraw li jevitawhom fi proġetti oħra.
Il-Ministru qal li l-Gvern se jibqa’ jistinka biex titjieb l-effiċjenza u l-kwalità tal-investimenti infrastrutturali.