Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kompla bis-sensiela ta’ manuvri fl-istamperija biex kompla jurta lil bosta fazzjonijiet li għandu ma’ wiċċu fosthom anki dawk li appoġjawh biex sar Kap.
Il-gazzetta Kullħadd irrapurtat li wara r-riżenja ta’ David Bonello li telaq bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa wara ġlied intern fosthom mas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, inħatar Jesmar Baldacchino bħala Direttur Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.
B’pakkett finanzjarju li jqarreb l-erbgħin elf ewro fis-sena, mkejjen fid-Dar Ċentrali sostnew li Baldacchino nħatar bi ksur sfaċċat tal-istatut.
Intqal li Delia qed jinjora l-istrutturi tal-Partit tiegħu stess, fosthom l-istatut li jgħid b’mod ċar li d-Direttur Informazzjoni jinħatar mill-Kunsill Amministrattiv fuq rakkomdandazzjoni tas-Segretarju Ġenerali, li jkun approvat mill-Eżekuttiv.Il-Kullħadd irraporta li fl-istamperija hemm min irid iressaq din il-kwistjoni tal-ksur tal-istatut fil-laqgħa li jmiss tal-Eżekuttiv, għalkemm dan jista’ ma jseħħx wara li hemm min saħaq li la d-deċiżjoni ttieħdet issa kollu għalxejn.
Fost dawk li qed iħossu s-sens t’arja tqila fid-Dar Ċentrali hemm Dione Borg, ġurnalist leali u li appoġja lil Delia fil-kampanja għal ħatra ta’ Kap.
Fil-kurituri tal-istamperija Borg instema’ jgħid li ppretenda li almenu jkun kkunsidrat għal kariga ta’ Direttur Informazzjoni u mhux Baldacchino laħaq mal-ewwel hu.
Sadanittant it-taqlib fl-istamperija kompla jippersisti hekk kif sar magħruf li anki Fabian Demicoli xeba’.
Demicoli mhux se jibqa’ Kap tal-Aħbarijiet tal-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista wara li għajja jinqabad fil-kunflitti bejn Clyde Puli u Pierre Portelli.
Dawn it-tnejn ġew rapurtati li qed jidħlu f’battalja wara l-oħra għal poter bil-konsegwenza li qed jimbarazzaw u jdejqu lil min irid jaħdem magħhom fil-Partit Nazzjonalista.
Jidher li għalissa flok Fabian Demicoli se jmexxi Simon Vella Gregory, bil-Kullħadd tgħid li Pierre Portelli għandu xi ħaddieħor f’moħħu.