San Pawl f'Malta | One News

Notifiki

San Pawl f’Malta

Il-festa tal-miġja ta’ San Pawl f’Malta.  Ġrajja kbira li poġġiet isem artna fl-aqwa storja.  Min jixtri l-Bibbja,  u hawn b’kull ilsien u bil-miljuni,  illum ikun jixtri t-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid li fih ukoll l-Atti Tal-Appostli.

Fil-Kapitlu 28,  insibu l-aqwa riklam għal min irid iżur pajjiżna.  U nittama li nibqgħu bl-istess timbru fuqna,  li bħala poplu aħna nies ta’ qalb tajba u nilqgħu lill-barrani fil-bżonn.

Din il-ġrajja ġġib wiċċ-imb-wiċċ ma’ aspett ieħor tal-ġrajja ta’ artna.  Konna kolonja tar-Rumani,  li kien jużawna   U bis-saħħa ta’ San Pawl kellna l-ewwel isqof Malti,  San Publiju,  li spiċċa matri.  It-tnejn kellhom missjoni waħda, jwasslu l-messaġġ ta’ Kristu bħala l-aħbar it-tajba…..għax dik tfisser il-kelma Evanġelu.

U ma nistgħux ma ngħidux li kellna bosta li mxew fuq l-istess passi ta’ San Pawl u San Publiju u xandru l-Evanġelu,  l-aħbar it-tajba.  Mhux biss fi gżirtna imma mal-erbat irjieħ tad-dinja.  Il-missjunjarji Maltin dejjem taw sehem kbir,  meta nqisu ċ-ċokon relattiv ta’ pajjiżna.  Nistqarr li ħadt gost għall-ħabta tal-Milied li mort fi  Triq Merkanti biex nixtri presepju li ridt nagħti rigal, u kien mill-Uffiċċju Missjunarju bil-voluntiera.

Meta nara dawn,  ngħid li San Pawl ma ġiex ta’ xejn.

Imma daqstant ieħor niddejjaq meta jew semmiegħa fuq  ir-radju jew qarrejja tal-kitbiet fuq facebook,  jiġuni kummenti kemm jiddejqu n-nies li l-medja suppost tal-Knisja f’Malta,  (ngħidu mnissla minn San Pawl) tinsa dak kollu li hemm  fl-Evanġelu u jinfexxu jxandru l-aħbar…..imma tal-partit nazzjonalista.

Ma naħsibx li San Pawl kien ikun kuntent!  Xi wħud fil-Partit Nazzjonalista jistennewh bħala “patrimonju” tagħhom,  u l-kotra tiddisprezza.
Ejja ma ninħbewx wara d-dritt tal-espressjoni.  Meta l-qassis Baget Bozzi ħareġ mas-soċjalisti għall-elezzjonijiet fl-Italja,  iddardart.  Meta mbagħad inxteħet ma’  Berlusconi aktar.  Kulħadd għandu dritt tal-libertà tal-espressjoni,  imma kulħadd irid iġib rispett l-istatus li jkun għażel fil-ħajja.

Ħadd qatt ma lmenta miegħi fuq xi priedka li tibqa’ fuq il-binarju tal-Evanġelu,  imma hemm min jitmasħan meta jisma’ qassis jagħmel propaganda politika.  U n-nies jafu li meta kien hemm partit nazzjonalista fil-gvern kien idawwar sold sewwa.

San Pawl għadu attwali sal-lum,  u mad-dinja kollha.  Imma qassisin politikanti f’Malta u f’pajjiżi oħra jafu (jew messhom jafu)  li qed jagħżqu fl-ilma,  u għadda żmienhom.  Ma jinfluwenzaw lil ħadd.   Hudu mill-aħħar elezzjoni…..

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend