Il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar li mill-ġimgħa d-dieħla, il-kumpanija Amerikana Steward Health Care se tieħu f’idejha t-tmexxija tal-isptarijiet f’Għawdex u San Luqa.F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru kkonferma li t-tanżizzjoni mill-VGH għal Steward Health Care se tibda mill-ġimgħa d-dieħla.
Dwar l-iskadenzi tal-perjodu ta’ kostruzzjoni, il-Ministru spjega li l-kuntratt jistipula li d-deadlines tal-bini jibdew minn meta joħorġu l-permess. Qal li bħalissa għaddej ix-xogħol mal-Awtorità tal-Ippjanar u kif jinħarġu l-permessi jibda x-xogħol mill-ewwel.
Il-Ministru Mizzi qal li l-proġett tal-isptarijiet huwa importanti għall-pajjiżna u l-kabinett iddeċieda li jagħti l-approvazzjoni tiegħu lil Steward Healthcare li huma l-ikbar operaturi tas-sistema tas-saħħa ġewwa l-istati uniti wara li saru l-verifik neċessarji minn Projects Malta.
Qal li l-proposta ġiet approvata mill-Kabinett li ddeċieda li japprova t-trasferiment tax-shareholding hekk kif stipulat fil-ftehim ta’ konċessjoni.
Qal li l-Gvern mexa ma’ dak stipulat fil-ftehim li fih hemm ċar li jekk l-interess ta’ kontroll ikun se jaqleb matul l-ewwel ħames snin, il-Gvern irid jagħti l-approvazzjoni tiegħu.
Dr Mizzi xejjen bosta spekulazzjonijiet fil-midja, fosthom dwar il-garanzija ta’ disa’ miljun ewro li kellha tagħmel il-VGH fil-bidu tal-konċessjoni. Qal li l-VGH mill-ewwel kellhom din il-garanzija u li din għadha fis-seħħ.