Għal kull min ġieli mar max-xatt tal-Gżira jew forsi Manoel Island, żgur mhux forsi li xi darba jew oħra lemaħ xi papra jew tnejn iċafċfu wara li jkunu ħarġu mill-Villaġġ tal-Papri.
Il-Villaġġ tal-Papri ilu hemm għal diversi snin, u forsi għalkemm hemm xi wħud li ma jafux bih dan il-post hu attrazzjoni għal bosta turisti – b’mod partikolari għal dawk li għandhom l-annimali għal qalbhom. Iżda min jieħu ħsiebhom dawn il-papri?B’xi mod jew ieħor, bħal kull annimal, dawn il-papri jridu jieklu u ż-żona tagħhom trid titnaddaf iżda min imur biex jagħmel proprju dan? Kmieni filgħodu raġel bl-isem ta’ Joe jerħilha sal-Villaġġ tal-Papri biex jitma u jieħu ħsieb lil dawn il-papri u dan kollox minn butu. U dan mhux papri biss, hekk kif fiż-żona hemm bosta qtates, fniek u tiġieġ li Joe jħenn għalihom ukoll u jieħu ħsieb li jkollhom xi ħaġa x’jieklu.
Kien messaġġ fuq grupp fuq Facebook li ġibed l-attenzjoni ta’ bosta, fejn dan il-persuna spjega kif Joe hu bniedem b’qalb tad-deheb li jħenn għal dawn l-annimali u li jqatta’ ħafna ħin jieħu ħsiebhom u jitmahom. Fil-messaġġ spjega kif Joe għandu bżonn kull tip ta’ għajnuna li wieħed jista’ joffrilu, kemm jekk wieħed irid imur bħala volontier biex jgħinu, kemm jekk wieħed irid joħodlu xi ikel li jista’ jitma’ lill-papri bih u anke jekk irid iħalli xi tip ta’ donazzjoni f’kaxxa li hemm proprju hemm fid-daħla ta’ Manoel Island.
Dan hekk kif b’dawn il-flus, Joe ikun jista’ jalloka aktar ikel għal dawn il-papri biex b’hekk jgħixu kuntenti f’ambjent aktar nadif u sigur.