Il-Qorti Kostituzzjonali ppreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri ma laqgħetx l-appell li tas-Sindku tar-Rabat Għawdex biex tinbidel il-Maġistrat li qed tisma’ l-kawża ta’ libell li fetaħ kontra l-eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo b’rabta ma’ kummenti li għadda dwar is-Sindku Samuel Azzopardi li nstab ħati li saq xurban.
Samuel Azzopardi ma riedx li din il-kawża tinstema’ mill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri għax fl-imgħoddi kienet kandidat tal-Partit Laburista.
Il-Qorti tal-Maġistrati u l-Qorti Kostituzzjoni kienu diġà ċaħdu din it-talba iżda Samuel Azzopardi, permezz tal-avukati tiegħu, fosthom id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi appella mid-deċiżjoni.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti Kostituzzjonali magħmula wkoll mill-Imħellef Gianino Caruana Demajo u l-Imħallef Noel Cuschieri qalet li l-Qorti ma sabet ebda prova li mqar tagħti x’tifhem li l-Maġistrat żammet xi rabta jew relazzjoni mal-Partit Laburista.
Żiedet li r-rabta li kellha l-Maġistrat qabel il-ħatra ma tatix lok għal xi tħassib oġġettiv dwar l-imparzjalità tagħha.
Il-Qorti fakkret li s-soċjetà Maltija hija dik li hi. Qalet li f’kull każ se se jiġu riskontrati dawk il-kawżi b’xejra ftit jew wisq politika li se jiġu assenjati lil ġudikanti li jkunu esprimew il-fehma politika tagħhhom fil-passat qabel inħatru fil-kariga.
Sosntiet li sakemm dawn il-fehmiet ma jibqgħux jingħadu u dment li jiġi identifikat distakk ċar bejn il-fehmiet u r-rwol tal-ġudikant, fin-nuqqas ta’ provi, hija l-fehma ta’ din il-Qorti li f’dawn iċ-ċirkostanz l-perċezzjoni oġġettiva ta’ imparzjalità tibqa’ intatta.
Il-Qorti ċaħdet ukoll it-talba ta’ Azzopardi dwar iż-żmien u qalet li huwa immaterjali kemm ikun għadda żmien bejn il-fehmiet espressi u l-ħatra tal-persuna bħala ġudikant.
Fid-dawl ta’ dan il-qorti kkonferma is-sentenza appellata bl-ispejjeż kontra Azzopardi.