Fl-istess jum li fih tlestew ix-xogħolijiet fi triq Manwel Dimech f’Ħal Qormi, ingħata bidu għal proġett ieħor ta’ xogħolijiet fuq rawndebawt f’Ħal Luqa.
Il-ministru għat-trasport u l-infrastruttura, Ian Borg fisser kif il-proġett ta’ Triq Manwel Dimech sar b’ritmu mgħaġġel ħafna, f’inqas minn tliet xhur u ta nifs ġdid lis-sewwieqa hekk kif qegħdin iqattgħu tletin fil-mija tal-ħin inqas fit-traffiku f’dik iż-żona.
Huwa spjega kif fi Triq Manwel Dimech huwa stmat li jgħaddu elfejn u tliet mitt karozza u tliet mija u sittax-il trakk jew inġenji kbar fis-siegħa.
Il-ministru qal li dan ipoġġi wkoll sfida fuq ir-rawndebawt fi Triq Ħal Qormi, f’Ħal Luqa li għalhekk ser tkun qed tingħata attenzjoni immedjata.
Il-Perit tal-proġett, Robert Zerafa qal li issa li l-andament tat-traffiku fi Triq Manwel Dimech sar aktar mexxej, se jissokta x-xogħol fuq din ir-rawndebawt biex umbagħad il-pjan jgħaqqad kollu minn tarf sa tarf.
Il-Gvern ma nesiex l-anqas, l-inkonvenjent li seta’ inħoloq kawża tax-xogħolijiet fi Triq Cachia Zammit li fi kliem Ian Borg, huwa ta’ diżappunt għal dawk kollha li jkunu ilhom snin twal jistennew biex issir it-triq.