Stqarrija maħruġa mill-Eurostat tindika li fit-tielet kwart tal-2017, Malta, flimkien mal-Bulgarija, irreġistrat l-ogħla surplus fil-finanzi pubbliċi minn fost il-pajjiżi kollha tal-UE. Madwar l-UE, bħala medja, kien hemm defiċit ta’ 0.3% tal-ġid nazzjonali, bl-ogħla defiċit ikun dak fl-Ungerija fejn dan laħaq 3.9%. B’kuntrast, f’pajjiżna, fit-tielet kwart tas-sena, is-surplus fil-finanzi pubbliċi laħaq 4.2%.
Ir-riżultat li kiseb pajjiżna kien l-aqwa riżultat fiskali li qatt ġie osservat f’dan il-kwart tas-sena għal pajjiżna mindu bdiet tinġabar din l-istatistika, dan wara li kien irreġistrat defiċit wara l-ieħor għal perjodu ta’ snin, tant li fl-aħħar kwart qabel il-bidla fil-Gvern fl-2013 kien ġie osservat defiċit ta’ 3.3%. B’kuntrast,skont il-Eurostat, f’dawn l-aħħar seba’ kwarti l-finanzi pubbliċi ta’ pajjizna dejjem kienu f’surplus.
Meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2016, fit-tielet kwart tal-2017 il-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna tjiebu b’2.8 punti perċentwali tal-ġid nazzjonali. Dan huwa aktar mid-doppju tat-titjib li kien hemm fil-bqija tal-UE.
Fil-fatt stqarrija oħra tal-Eurostat indikat li fit-tielet kwart tal-2017 pajjiżna kellu t-tielet l-akbar tnaqqis fil-piż tad-dejn nazzjonali minn fost il-pajjiżi kollha tal-UE. Id-dejn nazzjonali naqas b’4.4 punti perċentwali tal-ġid nazzjonali f’Malta, dan meta madwar l-UE l-piż tad-dejn nazzjonali naqas b’0.4 punti perċentwali biss.
Skont figuri tal-Eurostat pajjiżna ilu mit-tieni kwart tal-2016 ma jkollu piż tad-dejn nazzjonali fuq is-60% tal-ġid nazzjonali. Din hija l-benchmark tat-Trattat ta’ Maastricht fejn tidħol is-sostennibilità tad-dejn nazzjonali. Fil-fatt, fit-tielet kwart tal-2017, pajjiżna kellu rata ta’ dejn ta’ 54.9%, dan meta fl-ewwel kwart tal-2013, jiġifieri qabel il-bidla fil-Gvern, dan il-piż kien ilaħħaq 71.2% tal-ġid nazzjonali.
B’hekk il-leġiżlatura l-ġdida bdiet bl-aqwa surplus fl-istorja ta’ pajjiżna u bl-anqas rata ta’ dejn nazzjonali mill-1998 ’l hawn. F’din il-leġiżlatura preżenti l-Gvern ser ikompli jibni fuq dawn ir-riżultati miksuba u jkompli jaddotta politika ta’ investiment ekonomiku u soċjali. B’finanzi fis-sod ser inkunu nistgħu nibnu ekonomija mill-aqwa għall-ġid tal-familji u n-negozji tagħna.