Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo ivvota kontra l-abbozz ta’ liġi dwar vjolenza abbażi ta’ ġeneru u vjolenza domestika.
Iktar kmieni fil-Parlament qal li se jagħmel dan wara li kkonsulta mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li fi kliemu tah parir biex jivvota skont dak li tgħidlu l-kuxjenza tiegħu.
Vassallo qal “iddiskutejt mal-Kap tal-Partit u tani l-fakulta’ li jien nivvota favur dak li nemmen fih jien – favur il-kuxjenza tiegħi. Moralment nħossni li għandi oġġezzjoni favur din il-mozzjoni u ma nħossx li għandi nivvota favur tagħha.”
Din ma kinitx l-ewwel darba li Vassallo vvota kontra liġijiet li jipproteġu persuni LGBTIQ. Is-sena li għaddiet huwa vvota kontra l-liġi taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.Fil-Parlament Vassallo qal li l-opinjoni tiegħu dwar il-ġeneru, hija bbażata biss fuq id-definizzjoni li wieħed isib fid-dizzjunarju u hija l-bogħod mir-realtajiet li qed jiffaċjaw persuni LGBT f’ pajjiżna.
Vassallo qal li “jekk jiena nara d-definizzjoni tal-ġeneru jew tal-kelma gender li hija socially constructed roles. Iva dik Sur Presidenti, etikament, moralment ma nistax naqbel magħha.”
B’ reazzjoni għal dan, fuq Twitter il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna li huwa inaċċettabli li membru parlamentari jiġġustifika l-fatt li ser jivvota kontra abbozz ta’ liġi li jipproteġi l-vittmi ta’ vjolenza domestika bbażata fuq il-ġeneru. Il-Prim Ministru żied jgħid li jinsab kburi li ħadem id f’ id mal-Ministru Helena Dalli sabiex jidħlu fis-seħħ dawn ir-riformi.