Ċifri tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika juru li matul is-sena li għaddiet, il-passiġġieri bil-cruise liners żdiedu b’sebgħa fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Iċ-ċifri juru li bejn Jannar u Diċembru li għadda, l-għadd ta’ passiġġieri li waslu f’Malta matul is-sena li għaddiet kien jammonta għal aktar minn sitt mija u sebgħin elf passiġġier li kważi wieħed u sebgħin fil-mija tagħhom kienu ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. L-ikbar żieda kienet irreġistrata mis-suq Ingliż b’żieda ta’ madwar 56,000 passiġġier.
Iċ-ċifri tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika juru wkoll li s-sena li għaddiet daħlu fil-Port il-Kbir 342 cruise liner b’medja ta’ 1,900 passiġġier. Dan meta mqabbel mat-316-il cruise liner li waslu f’Malta fl-2016.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll li fl-aħħar kwart tas-sena ligħaddiet waslu f’Malta aktar minn mija u sebgħa u tmenin elf passiġġier, żieda ta’ ħamsa punt ħamsa fil-mija meta mqabbel mal-2016.