Is-suspettat ewlieni fil-każ li jinvolvi l-qtil ta’ Eġizzjan f’Għawdex , x’aktarx hu mil-Lvant Ewropew li ħareb mill-gżira Għawdxija u qed jistaħba x’imkien f’Malta.
Is-sit Times of Malta rrapporta kif il-Pulizija għaddejja bi tfittxija intensiva għar-raġel li ntlemaħ l-aħħar mal-Eġizzjan, li nstab mejjet b’tir f’idu u ieħor f’għonqu f’għalqa remota fl-Għarb ġimgħa ilu.
Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed ta’ 42 sena ntlemaħ l-aħħar fuq filmat ta’ kamera tas-sigurta’, jirkeb f’vettura fir-Rabat Għawdex għall-ħabta ta’ nofsillejl il-Ħadd 14 ta’ Jannar. Hu nstab mejjet f’żona remota fl-Għarb ftit tas-sigħat wara. Sorsi sostnew li s-suspettat li qatel lill-Eġizzjan x’aktarx hu raġel ta’ karnaġġjon ċar, xagħar ta’ lewn bjond u ta’ statura medja.
L-istess sorsi qalu lit-TOM li x’aktarx l-istess raġel hu Rumen jew Bulgaru u ħarab minn Għawdex fl-istess jum tad-delitt. Sostnew li l-komunita’ ta’ Għawdex hi wisq żgħira biex wieħed jirnexxilu jibqa’ moħbi, u kieku s’issa żgur instab kieku baqa’ hemm fejn x’aktarx qed jistaħba f’Malta.
Minn filmati ta’ kameras tas-sigurta’ li kisbu l-Pulizija, Mohammed jidher jipparkja l-vettura tiegħu fi triq ewlenija, jirkeb f’vettura oħra, jixgħel sigarett u jitkellem mas-sewwieq tal-vettura għal xi ħin sakemm il-vettura saqet l’hemm.
Investigaturi sosntew li t-tieni vettura telqet minn Għawdex fl-istess jum tad-delitt fuq il-vapur ta’ Għawdex, qabel mal-invesitgaturi saru jafu dwar id-delitt.
Sorsi qalu li l-vittma kellu każijiet pendenti fuq pussess u traffikar ta’ droga. Mohammed għamel xi żmien il-ħabs wara li sntab ħati li hedded lill-eks mara tiegħu li se jwaddbilha l-aċidu f’wiċċha jekk it-tfal tagħhom jattendu għal lezzjonijiet tar-reliġjon l-iskola.