Fi ftit iktar minn sena mit-tħabbira tal-akbar investiment fil-manifattura mis-snin tmenin, il-kumpanija Crane Currency bdiet topera mill-faċilità tagħha f’Ħal Far.
Ftit jiem qabel il-ftuħ uffiċjali, id-Direttur tal-Operazzjoijiet ta’ Crane Currency, John Scott li għandu snin twal ta’ esperjenza fis-settur, qal ma’ One News kif minkejja li x-xogħol għadu għaddej, il-fabbrika ġa bdiet l-operat tagħha bl-istampar tal-karti tal-flus.
Tenna li dan il-punt intlaħaq fost l-ikbar sigurtà li hi l-priorità tal-ħidma sensittiva ta’ din il-kumpanija.
Żied jgħid li wara li bdiet topera l-ewwel linja, kollox jinsab lest biex it-tieni linja tiġi installata fil-ġimgħat li ġejjin. Bil-ħsieb li jkun hemm iktar tkabbir fil-ġejjieni.
Spjegalna li l-apparat mixtri minnhom hu top-of-the-range, u li għall użu tiegħu hemm ftehimiet għal programmi ta’ taħriġ.
Saħaq li l-kumpanija sabet appoġġ b’saħħtu f’pajjiżna, fosthom mill-MCAST. Fil-fatt Alex Abela mir-Riżorsi Umani qal li l-interess fil-kumpanija kien fenomenali.
Il-kumpanija kienet bassret li sal-aħħar tal-elfejn u sbatax f’pajjiżna tħaddem mal-mitejn persuna – numru li diġà qabeż il-mitejn u ħamsin, u qed ikompli jikber f’mod strutturat.
Intant, il-fatt li l-kumpanija inxtrat minn negozju ieħor, tenna Scott, saħħaħ ferm iżjed l-operat tagħha.
F’ħarsa lejn il-ftuħ uffiċjali fil-jiem li ġejjin, is-Sur Scott tenna li jkun mument tajjeb ta’ ringrazzjament u rikonoxximent għall-persuni u l-entitajiet kollha li taw l-appoġġ tagħhom biex fi żmien sena, Crane Currency tibda topera u tippjana futur sabiħ f’pajjiżna.