957 frodi minn benefiċċji soċjali – One News

Notifiki

957 frodi minn benefiċċji soċjali

Is-sena li għaddiet inqabdu 957 persuna jabbużaw minn benefiċċji soċjali u meta l-Gvern irkupra dak li kien abbużat ġew irkuprati iktar minn erba’ miljun ewro.

Jikkonferma dan tagħrif tal-Ministeru tal-Politika Soċjali fejn ingħad li “hu stmat li ġew reveduti u/jew imwaqqfa 957 benefiċċju, li meta wieħed iqis l-ammonti mħallsa meta mhux dovuti u l-ammont ta’ benefiċċju li kien jibqa’ jitħallas fuq bażi ta’ sena waħda biss, ġew iffrankati madwar €4,057,300.”

Jirriżulta li d-Dipartiment jinvestiga kull rapport ta’ allegat frodi li jirċievi kif ukoll jieħu l-inizjattiva biex jinvestiga gruppi ta’ benefiċjarji fejn ikun hemm suspett ta’ abbuż.

Is-sena li għaddiet l-Ispettorat fi ħdan dan id-Dipartiment għamel 1,621 spezzjoni fuq is-sit u mill-investigazzjonijiet li għamel dan id-Dipartiment sab li 399 każ ma kinux bi ksur tal-provedimenti tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.

Kemm ilu jopera dan id-Dipartiment, jiġifieri minn Jannar 2006 sa Diċembru 2017, huwa stmat li ġew iffrankati ftit izjed minn €44,000,000.

Minn tagħrif li kisbet il-gazzetta KullĦadd jirriżulta li d-Dipartiment kompla għaddej bil-ħidma tiegħu biex isaħħaħ il-koordinazzjoni fil-ġbir ta’ informazzjoni minn diversi entitajiet biex permezz tagħha jiġu identifikati numru akbar ta’ persuni li qegħdin jaġixxu b’mod antisoċjali meta qegħdin jieħdu benefiċċji li ma ħaqqhomx.

Mitlub jikkummenta dwar din l-aħbar il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon qal li l-Gvern hu impenjat li t-taxxi tan-nies jintefqu l-iktar fuq dawk li tassew għandhom bżonn il-wens tal-Gvern. Hekk il-Gvern ikun jista’ jsaħħaħ ukoll il-benefiċċji għal dawk li tassew ħaqqhom kif għamel fl-aħħar snin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend