Tagħna lkoll | One News

Notifiki

Tagħna lkoll

Jum ta’ festa għall-Belt Valletta,  il-Belt tagħna lkoll. U mhux se nħallu lill-Beltin jgħidu li l-Belt hija tagħhom biss.   Tagħna wkoll.

Hekk inwaddab ħarsti lura fiż-żmien, nemmen li aktar qattajt sigħat imqajjem fil-Belt milli band’oħra f’Malta. Bejn qorti u Parlament, u uffiċċju. U minkejja l-inżul u t-tlajjiet tagħha, dejjem hija sabiħa. Anzi, aktar tgawdi l-veduta kollha, imqar jekk hi Triq l-Ifran.

U tiskanta kif f’daqstant ċokon,  wara kollox,  hemm daqshekk teżori ta’ kultura, u biċċiet minn kullimkien li sawru l-ġrajja tal-Belt Valletta.  Mhux tal-Kavallieri biss,  imma tal-Ingliżi,  tal-ġemgħa tal-Lhud li kienu jgħixu Malta.

Il-Bereġ weħidhom jagħmlu l-ġrajja tal-Ewropa.  Kos,  qishom l-Ewropa tal-lum,  għax dejjem hekk kienet l-Ewropa.  Flimkien kemm trid imma kulħadd għal rasu.  Il-Ġermaniżi tal-Baviera jfittxu post prominent u strateġiku għal rashom!  Jikkmandaw il-veduti tal-ibħra. Il-Bereġ l-oħrajn iħarsu madwarhom.  Tal-Baviera lil’hinn mill-orizzont.  Hekk baqgħu sal-lum.

Imma għalija ma’ din il-festa hemm ġrajja oħra.  Li mhix tas-soltu.  Anzi ma naf li ġrat qatt.

Meta Joseph Muscat kien qed jitkellem fuq il-ġrajja tal-lum,  qal :”ejja ngħiduha,  din l-idea tal-Belt bħala kapitali tal-kultura inbdiet minn Lawrence Gonzi u Mario Demarco….”

Il-politiċi li kont naf jien,  meta għamlu xi ħaġa,  dejjem huma ħolmuha u bdewha u wettquha.  Il-ħajja mhux hekk.   U l-ġrajja mhux hekk.  Kollox jinbena saff wara saff,  anke l-ġilda li għandna f’wiċċna.

U min hu ta’ rieda tajba jagħti s-sehem tiegħu.

Għalhekk għalija dak il-kliem ta’ Joseph Muscat li ta ġieh lil Lawrence Gonzi u anke lil Mario Demarco juri li dak li kien jgħid,  “Taghna lkoll”  verament jemmen fih.  Ma kinitx l-għajta tal-elezzjoni ta’ din id-darba,  imma kienet għajta li baqgħet tidwi.

Jien naqbel magħha.  Ma nistgħux f’pajjiż żgħir bħal tagħna, mogħni b’kultura, ġrajja, u kull ġid,  jinqasam il-ħin kollu  u jehda jitgħajjar u jitmasħan.

Lawrence Gonzi ta sehem.  Mhux f’kollox taqbel miegħu,  imma jien ma nafux ixerred il-ħdura bejn il-Maltin.   Joseph imur aktar ‘il quddiem.  Ifittex li jgħaqqadna.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend