Mniedi l-programm Ewropew bl-isem ‘European Solidarity Corps’ – One News

Notifiki

Mniedi l-programm Ewropew bl-isem ‘European Solidarity Corps’

L-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA) flimkien mal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima u l-Kap Eżekuttiv tal-EUPA u l-Koordinatur Nazzjonali tal-Programm Erasmus+ s-Sur Joe Schembri nedew il-Korp ta’ Solidarjeta’ Ewropew waqt il-Forum Annwali tal-partijiet interessati.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo appella sabiex naraw kif bħala gvern se naraw iżjed żgħażagħ jieħdu sehem f’dawn il-programmi u kif ukoll nżidu il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tagħna.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li din l-inizjattiva se tagħti opportunita’ liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw fi proġetti ta’ solidarjeta’ bħala voluntiera jew bħala esperjenza ta’ xogħol kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Kompla jgħid li “dan il-programm se jagħti element żgħir ta’ finanzjament lill-volountiera biex jgħin dan is-settur ikompli jikber. Dan il-Gvern iħares lejn iż-żgħażagħ bħala waħda mill-ikbar riżorsi li għandu dan il-pajjiż u għaldaqstant huwa kommess biex isosstni kif ukoll jestendi il-ħidma maż-żgħażagħ.”

Il-Korp ta’ Solidarjetà Ewropew ser joħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jivvolontarjaw jew jaħdmu barra minn pajjiżhom jew f’pajjiżhom stess f’proġetti li jibbenefikaw il-komunitajiet u n-nies madwar l-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet aktar minn €340 miljun lill-Istati Membri kollha biex jippermettu 100,000 post fl-2020 u l-baġit previst għal Malta fl-2018 huwa dak ta’ €900,000.

Il-forum ġabar madwar 50 ‘stakeholder’ tal-Programm Erasmus+ li jirrappreżentaw l-edukazzjoni ogħla, edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ, edukazzjoni skolastika, edukazzjoni adulta, żgħażagħ, negozji u min iħaddem.

L-għan ewlieni tal-forum kien li jniedi l-Programm Erasmus+ 2018 f’Malta, baġit biex ikollu €9 miljun f’finanzjament. Il-Programm Erasmus+ jipprovdi opportunitajiet għall-studenti, għalliema, ħaddiema żgħażagħ u żgħażagħ biex jistudjaw, iħarrġu, jiksbu esperjenza, u jivvolontarjaw barra minn pajjiżhom u huwa miftuħ għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ fis-setturi kollha tat-tagħlim tul il-ħajja u s-settur taż-żgħażagħ.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend