Conventions Malta, flimkien mad-dipartimenti inkarigat mill-avvenimenti u l-marketing fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, għandhom il-pjaċir iħabbru li din is-sena, Medigames se jsiru hawn Malta. Medigames huwa isem ieħor għall-World Medical and Health Games, u dawn se jkunu Malta bejn is-16 u t-23 ta’ Ġunju.
Dawn il-logħob saru l-aktar avveniment dinji popolari fil-qasam tas-saħħa, u huma miftuħa għal kull min jipprattika fis-settur mediku u fil-qasam tas-saħħa.
Il-World Medical and Health Games huma opportunità biex parteċipanti minn kull livell jikkompetu flimkien u jilgħabu l-aktar logħob favori tagħhom, f’ambjent ta’ ħbiberija.
Kull sena, sa 1,700 persuna tipparteċipa, minn madwar 70 pajjiż. Aktar minn 20 avveniment sportiv ikun inkluż u aktar minn sitt kategoriji ta’ etajiet jitħallew jipparteċipaw.
Minbarra l-logħob, isir simposju internazzjonali dwar il-mediċina fl-isport, li jkun fih tliet nofstanhari. Dan huwa aspett fundamentali tal-logħob li żviluppa tul is-snin, bl-appoġġ ta’ istituzzjonijiet magħrufa, bħall-International Federation of Sports Medicine, il-Latin and Mediterranean Sports Medicine Association u l-Panathon Club International.
Is-sur Paul Bugeja, CEO tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, esprima sodisfazzjon għall-fatt li Malta intgħażlet biex tospita Medigames. Innota li apparti l-logħob, isir programm għall-parteċipanti u l-familji tagħhom, li jinkludi aktar avvenimenti sportivi u kulturali, flimkien ma’ ħarġiet ippjanati. Is-sur Bugeja qal li l-gżejjer Maltin huma ideali għal attivitajiet bħal dawn, u avveniment bħal Medigames juri kemm Malta hija post ideal għal kull tip ta’ ħtieġa li kumpanija jista’ jkollha tul is-sena kollha.
Il-Ministru responsabbli mit-Turiżmu, Dr Konrad Mizzi, qal li avvenimenti bħal dawn jikkonfermaw kemm Malta hija destinazzjoni ideali għall-konferenzi u avvenimenti magħmula speċifikament għal skop ta’ xogħol. Qal li kien dan l-għan wara t-twaqqif ta’ Conventions Malta, u r-riżultati jinsabu fil-fatt li setturi differenti qed jiġu Malta għal dan il-għan.
Medigames se jorganizzaw konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ħamis, 25 ta’ Jannar, fil-Marsa Royal Golf Club, sabiex jippreżentaw Medigames lill-pubbliku Malti.