Mara ta’ ħamsa u tletin sena ma ngħatatx il-ħelsien mill-arrest wara li dalgħodu tressqet il-qorti mixlija li ffrodat aktar minn mitt elf ewro lil tlettax-il persuna.
Fi tmiem is-seduta, il-Maġistrat Joe Mifsud appella lis-soċjetà b’mod partikolari lil dawk li jridu jagħmlu lira ta’ malajr biex jinvestu flushom f’istituzzjonijiet serji u mhux jaċċettaw il-lixka ta’ xi ħadd li jmur jistadhom għal flushom.
Tania Borg ta’ ħamsa u tletin sena minn Ħ’Attard ma ngħatatx il-ħelsien mill-arrest wara li wieġbet mhux ħatja li ffrodot aktar minn mitt elf ewro lil tlettax-il-persuna.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Anna Marie Xuereb u l-Ispettur Elton Taliana xlew lil Borg b’diversi akkużi fosthom li b’mezzi kontra l-liġi għamlet qligħ b’qerq ta’ aktar minn għaxart elef ewro għad-dannu ta’ bosta persuni fosthom ta’ Victor Camilleri u ibnu Oswald, Joseph u Orietta Galea, Frances Saliba, Marcel Agius u Pauline Abela, Joanne Farrugia u Edward Magri, Alfred Farrugia u Ruth Tonna u Anna Psaila.
Fis-seduta d-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia talbu għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni topponi t-talba.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti nnotat illi aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed ikollna każijiet fis-socjetà bħal dawn, tant li l-iskwadra kontra r-Reati Ekonomici kellha tkompli tissaħħaħ b’aktar membri.
Bla ma daħlet fil-mertu ta’ dan il-każ, il-Qorti qalet li tħoss li għandha tagħmel appell lis-soċjetà li bniedem li jrid jagħmel lira ta’ malajr, għandu jagħmel dan billi jaħdem aktar, jinvesti
f’istituzzjonijiet serji li tassew iħallulu introjtu u mhux jidħol f’riskju li għax irid jagħmel lira ta’ malajr, jaċċetta l-lixka ta’ xi ħadd li jmur jipprova jistad għall-flus.