Joseph Attard, Għaxqi ta’ 42 sena ma ingħatax il-liberta proviżorja wara li ġie akkużat li seraq diversi oġġetti mill-knejjes.
L-akkużat deher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud matul il-jum tal-Ħamis, akkużat li seraq kuruna tal-fidda minn fuq l-istatwa ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun, kif ukoll flus kontanti mill-kaxxi tal-għotjiet.
Attard kien ukoll akkużat li għamel ħsara fuq propjetajiet ta’ valur kulturali li jammontaw għall-iżjed minn 2,500 Ewro.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Saviour Baldacchino spjegat fil-Qorti li hu mifhum li r-raġel kellu fil-mira tiegħu ħmistax il-knisja oħra.
Attard ġie akkużat fuq serq ta’ apparat elettroniku u tabakk mill-Każin tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żejtun fl-2003 u ġie akkużat li kien riċediv.
L-imputat m’ ammettiex l-akkużi li nġiebu kontrih. Id-difiża mmexxija mill- Avukat Franco Debono, talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda din it-talba ġiet rifjutata mill-Qorti.