Illum l-ewwel seduta Parlamentari b’ħinijiet ġodda u aktar aċċessibbli – One News

Notifiki

Illum l-ewwel seduta Parlamentari b’ħinijiet ġodda u aktar aċċessibbli

Fuq proposta tal-Gvern intlaħaq ftehim mal-Oppożizzjoni biex il-ħinijiet tal-Parlament ikunu emendati għal ħinijiet aktar aċċessibbli, wara li għal snin twal kien hemm ħafna diskussjonijiet iżda xejn azzjoni. Bħala konsegwenza, is-seduta Parlamentari ta’ kull nhar ta’ Erbgħa se tibda ssir mill-4.00pm sas-7.30pm. Il-perjodu li ġej se jservi bħala żmien ta’ prova biex eventwalent tittieħed id-deċiżjoni jekk il-ħin tal-Parlament ikunx emendat għas-seduti kollha.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli rrikonoxxiet li dan hu pass ieħor importanti fil-ħidma għall-bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja kemm għall-membri Parlamentari nisa kif ukoll għall-irġiel. Fejn hu possibbli għandna nevitaw li nnaqqru l-ħin meta l-familja tkun miġbura. Dan l-impenn juri li wara ħafna snin nitkellmu dwar il-bżonn li l-Parlament jopera b’mod iktar family friendly, din il-bidla se tibda titwettaq, qalet il-Ministru Helena Dalli waqt li esprimiet ix-xewqa li din il-miżura tkun estiża għall-ġranet kollha.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli minn din ir-riforma Julia Farrugia Portelli qalet li din hi l-ewwel tarġa minn sensiela ta’ riformi li se jsiru biex il-Parlament iservi ta’ mudell ta’ kif l-irġiel u n-nisa jistgħu jħaddnu karriera pubblika mingħajr ma jkollhom jiċċaħħdu mill-ħin tagħhom mal-familja. Din hi waħda mis-serje ta’ riformi li kienu fil-manifest elettorali li bih tela’ dan il-gvern. F’din il-leġiżlatura dawn ir-riformi għandhom ikomplu jagħmlu l-istorja ta’ pajjiżna biex Malta tiġġedded u ssir aktar relevanti għaż-żminijiet tal-lum.

Il-Whip tal-Parlament Byron Camilleri qal li din id-deċiżjoni se tkompli tgħin biex il-ħidma u s-servizz Parlamentari jkunu aktar attraenti għal dawk il-persuni validi li l-ħinijiet preżenti jagħmluha impossibbli għalihom li jersqu ’l quddiem sabiex joffru s-servizz tagħhom fil-politika.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend