Ħames organizzazzjonijiet volontarji ffirmaw Grant Agreement sabiex jirċievu total ta’ €58,346.35 mill-fond ta’ kofinanzjament għall-għaqdiet volontarji, li hu amministrat mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, wara li temmew numru ta’ proġetti f’oqsma differenti b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea.
B’kollox, dawn l-għaqdiet se jkunu rċevew total ta’ €1,088,987.66, liema ammont jinkludi wkoll is-somma li rċevew mal-approvazzjoni tal-proġett.
Waqt il-preżentazzjoni tal-fondi, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima rringrazzja lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet volontarji għall-ħidma importanti li jwettqu f’pajjiżna. Clifton Grima qal li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jgħin lis-settur volontarju biex isir aktar ġid fis-soċjetà. Hu kompla jgħid li l-fondi tal-UE għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-ħidma tal-NGOs.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq dwar il-ħtieġa li nigwidaw aktar lill-benefiċċjarji lejn diversi programmi ta’ finanzjament Ewropej skont l-intervent tal-proġett. Kompla jgħid ukoll kif fil-futur għandna nħarsu lejn aktar programmi ta’ finanzjament ta’ NGOs. Il-fond ta’ kofinanzjament huwa wkoll intenzjonat biex jgħin lill-NGOs jaċċessaw aktar opportunitajiet ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.
Meta NGO tapplika għal Fondi Ewropej din tkun obbligata li toħroġ persentaġġ mill-ispejjeż tal-proġett. Diversi entitajiet ma jkollhomx ir-riżorsi finanzjarji neċessarji biex jagħmlu dan. Għaldaqstant ikollhom problema biex jaċċessaw il-Fondi Ewropej. Għalhekk il-fond tal-Gvern jgħin lil dawn l-NGOs f’dan l-impenn finanzjarju li jkollhom.
Dan il-fond ta’ kofinanzjament huwa limitat għal €150,000 fis-sena u jippermetti l-finanzjament ta’ mill-inqas 20 proġett kull sena. Il-fond qiegħed fuq sejħa kontinwa, għalhekk il-benefiċjarji jistgħu japplikaw matul is-sena għall-finanzjament. Mill-2018, l-evalwazzjonijiet se jsiru perjodikament sabiex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jistennew riżultat mistħoqq f’perjodu ta’ żmien aċċettabbli. Barra minn hekk, minn Ġunju tal-2017 il-benefiċjarji se jkunu eliġibbli għal 100% tal-finanzjament sa massimu ta’ €15,000 għal kull proġett. Il-fond jista’ jiġi użat fi kwalunkwe stadju tal-implimentazzjoni tal-programm, u jista’ jkun ukoll użat għal proġetti li jkunu tlestew.
L-organizzazzjonijiet volontarji li rċevew il-fondi huma Għajnsielem Redcoats, Cross Culture International Foundation, Foundation for Shelter and Support to Migrants, Bird Life Malta u l-Malta Regional Development and Dialogue Foundation.