Ittra miftuħa lil Simon Busuttil … | One News

Notifiki

Ittra miftuħa lil Simon Busuttil …

Dr Busuttil,

Fl-aħħar sigħat qed naraw il-maskra li pruvajt tilbes biex tidħol Kastilja biha taqa’. Mhux għax kien hemm xi dubju dwar kemm kienet maskra, kulħadd kien jaf, kulħadd kien jaf kemm il-gidba li rkibt fuqha kienet biss dar mibnija fuq it-tafal, iżda issa qed joħorġu l-fatti li l-poplu kollha fehem qabel l-elezzjoni, iżda li inti, minkejja li ħadt u tajt l-ikbar telfa elettorali l-Partit li suppost kont tmexxi, għadek b’qalbek marbuta magħha.

Inutli tibqa’ mwaħħal, ma kellekx, u qatt ma jista’ jkollok xrara ta’ kredibilità, għax politiċi vera li jaspiraw li jmexxu pajjiż u poplu, jibnu l-politika tagħhom mhux fuq il-gideb iżda bl-ideat li wara jsir pjan ta’ ħidma ta’ Gvern.

Il-poplu nduna mill-ewwel.

Dik li ħabba fiha ħriġt in-nies fuq it-toroq, li ddefendejt all out għax sempliċiment laqamtha whistleblower, minkejja li kellha każijiet ta’ sperġur kontra Uffiċjali tal-Pulizija, dik li għedt li kellha d-dokumenti li tipprova l-gidba dwar Egrant, dik li ħabba fiha ħriġt lill-ġurnalisti tiegħek stess ta’ mazetti, illum qed tgħid li m’għandiex dokumenti, qed tgħid li hi ma kinitx is-sors ewlieni!

Ħarġitek ta’ raġel ukoll! Biex tgħaxxaq qalet li m’għandiex dokumenti mal-Membri Parlamentari Ewropej li tant rewwaħthom kontra Malta.

Bħal dak li qalu jekk id-dikjarazzjoni oriġinali kienet li hija kienet is-sors tal-każ, u li kellha f’idha d-dokumenti, ara jekk tistax isib sors primarju aktar minn dokumenti, iswed fuq l-abjad!

Imma dawn ma jeżistux għax kalunja.

Il-whistleblowers ma jaħarbux jekk ikollhom fatti f’idejhom, jibqgħu jippersistu. Ħa nfakkrek kif ikun whistleblower vera, whistleblower vera huwa bħal dak ta’ Għawdex li x’ħin fetaħ ħalqu fil-Qorti li tkellem miegħek, għamiltlu mandat biex ma jibqax jixhed.

Għandek ħaġa waħda x’tagħmel u għandek tagħmilha mingħajr dewmien. Postok mhux fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna.

Tislijiet …

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend