Illum, fid-Dar tal-Providenza ġie ċċelebrat l-50 anniversarju minn meta s-Sorijiet tal-Karità ta’ Santa Ġovanna Antida Thouret bdew il-ħdima tagħhom f’din id-Dar.
Is-Sorijiet tal-Karità jew aħjar is-sorijiet ta’ Santa Giovanna Antida Thouret ġew f’Malta fl-1868, u minnufih il-Gvern fdalhom f’idejhom l-orfanatrofji tiegħu, li dak iż-żmien kienu l-Belt Valletta.
Biż-żmien il-Gvern fdalhom tlett skejjel żgħar, il-Baħrija, l-Imtaħleb u Birżebbuġa. Is-sorijiet bdew jieħdu ħsieb ukoll il-Konservatorju Vincenzo Bugeja f’Santa Venera u l-Konservatorju tal-Isqof fir-Rabat Għawdex.
Fetħu wkoll skejjel f’Ħal Tarxien, San Ġiljan u l-Gudja. L-akbar ħidma tagħhom kienet fl-isptarijiet fejn fetħu skola għall-infermiera.
Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna fl-Omelija tiegħu fid-Dar tal-Providenza nhar l-1 ta’ Jannar 2018 qal li “50 sena ilu, is-Sorijiet tal-Karità bdew din l-avventura ta’ mħabba propju biex jgħixu l-kariżma tagħhom li jkunu s-sorijiet tal-karità, is-sorijiet li jwasslu l-imħabba ta’ Ġesù, l-imħabba ta’ Alla f’tant ambjenti differenti, kif għadhom jagħmlu sal-lum.”