Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard qed iwissi lill-ġenituri li jekk it-tfal għandhom l-influwenza, ma jibagħtuhomx l-iskola. Dan hekk kif illum l-istudenti rritornaw lura l-iskola wara l-vaganzi tal-Milied.
L-istess Direttorat spjega kif 16-il persuna minn kull 100 individwu li jżur lit-tabib tal-familja għandu l-influwenza fejn hu għalekk li wieħed għandu jieħu l-prekwazzjonijiet kollha. Id-Direttorat spjega kif is-sintomi tal-influwenza jibdew minn erbat ijiem wara li wieħed ikun espost għall-virus, fejn jispiċċa madwar ħames sa sebat ijiem bis-sintomi.
Fost l-aktar persuni li huma l-aktar vulnerabbli għall-influwenza huma t-tfal, anzjani, persuni li għandhom xi tip ta’ marda u nisa tqal. Għalekk, peress li wieħed jista’ jxerred l-influwenza fl-ewwel ħamest ijiem, kull individwu li jkollu l-influwenza għandu kemm jista’ jkun jevita li jmur ix-xogħol, li jżur xi qraba jew ħbieb l-isptar, li jibgħat lit-tfal l-iskola jekk ikollhom l-influwenza, li jgħatti ħalqu u mnieħru meta jkun se jagħtas u li jaħsel idu b’mod frekwenti.
Importanti li wieħed jieħu l-prekwazzjonijiet kollha sabiex jevita li jxerred l-influwenza, li jikseb il-parir tat-tabib u li jistrieħ.