Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li matul Novembru tas-sena li għaddiet, in-numru ta’ persuni jirreġistraw niżel għal elfejn, mitejn, sitta u ergħin. Dan ifisser tnaqqis ta’ kważi sitta u għoxrin fil-mija meta mqabbel ma’ Novembru tal-2016.
Statistika miġbura mill-aġenzija Jobsplus turi li f’Novembru kien hemm tnaqqis ta’ 775 persuna qiegħda – 705 mill-ewwel parti tar-reġistru u ħamsa u sebgħin oħra mit-tieni parti tar-reġistru tal-qgħad.
It-tnaqqis deher f’kull kategorija ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol bl-ikbar tnaqqis kien fil-kategorija ta’ persuni li kienu ilhom jirreġistraw għal mill-inqas 21 ġimgħa. L-unika żieda li ġiet mmarkata kienet dik ta’ nisa li ilhom jirreġistraw għal iżjed minn sena.
Dan tal-aħħar juri li l-klima tax-xogħol u tan-negozju f’Malta qiegħda dejjem tmur għall-aħjar u dawk bla impjieg, qegħdin isibuha iżjed faċli sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Fosthom persuni b’diżabilità li sabu ruħhom fid-dinja tax-xogħol. Fil-fatt l-istatistika turi wkoll tnaqqis ta’ 70 ruħ, biex sa Novembru li għadda kien hemm 288 persuna b’diżabilità tirreġistra għax-xogħol.
L-istatistika turi wkoll li kważi ħamsa u sebgħin fil-mija ta’ dawk li sabu impjieg kienu rġiel.
Iċ-ċifri ppubblikati juru li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed ikomplu jinħolqu postijiet tax-xogħol f’kull settur tal-ekonomija ta’ pajjiżna.