Bla faħam miblul | One News

Notifiki

Bla faħam miblul

Fehma li waħlet f ’moħħi mal-ewwel li smajt l-aħbarijiet kienet li ħadd mill-Partit Laburista, anzi aktar u aktar minn Kastilja, ma kellu x’jaqsam mat-tmien krudil ta’ Daphne. Il-fatt li kien qtil krudil ma jagħti lil ħadd dritt li jkun krudil ma’ ħaddieħor, u jipprova, minkejja s-sewwa magħruf, tibqa’ ttambar li f ’kelma waħda, kienu responsabbli Joseph Muscat u ta’ madwaru. Anke min għandu l-iqsar memorja, ma jistax jinsa l-kliem li dan kien qtil politiku.

Akkuża serja għax “qtil politiku” ifisser li min inqatel kien vittma tal-Istat, u kollox kien ippjanat mill-Istat, (jew anke minn Stat ieħor f ’ċertu każi). U kien hemm min ipprova jagħmel kapital politiku u nesa l-vittma, għax l-aktar importanti kien kemm issir ħsara lill-Partit Laburista u lil Joseph Muscat fuq kollox u fuq kulħadd. L-importanti kien li qatagħhom l-għaxt bil-perżut kif jgħid il-Malti. Joseph Muscat mal-ewwel intriga l-forzi tal-pulizija u tal-investigazzjoni barranin, bħal mhi l-FBI Amerikana u l-Europol. Waqt li bħaħen tal-Partit Popolari fil-Parlament Ewropew kienu mingħalihom se jagħtu ordnijiet kif għandhom isir l-affarijiet, kienu diġa’ qed jinħmew, bilgħaqal kollu. Ngħid ċar u tond, li jien kont tal-fehma li biex jissolva l-każ, irid ikun hemm xi ħadd li jiġġieled mal-oħrajn u jiftaħ ħalqu u jiżvela. Dan kien ħsieb magħmul fuq x’ġara ġewwa l-Italja meta kien hemm l-attakki fuq Falcone umbagħad Borsellino. Issa id-deċizjoni ta’ Joseph Muscat li jinvolvi l-FBI u l-Europol u forzi oħrajn, barra l-pulizija Maltija, kien qed jagħmilha ċara li ma kienx se jaċċetta nofs verita` u jistenna li xi ħadd ipaċpaċ. Hekk bassar ukoll Adrian Delia meta kien qed jgħid li minkejja kollox kien għadu ma nqabadx minn kien responsabbli. Joseph Muscat bil-għaqal kollu żamm fommu sieket.

Ukoll meta sar magħruf li l-pulizija kienet se tressaq, għażel it-triq tal-għaqal u qal li minn dak il-punt ‘il quddiem, kienu l-qrati li kellhom jiddeċiedu fuq il-ħtija jew l-innoċenza. Dan seta’ jagħmlu għax ma kellu l-ebda faħam miblul. Hekk hija l-fehma tiegħi, u min irid jirraġuna, ikollu jbaxxi rasu għal-loġika tas-sitwazzjoni. Kien ikun faċli għalih li jgħid li skont il-ligijiet tagħna hija l-pulizija li tinvestiga, u jekk hemm bżonn ta’ xi laboratorju barra minn Malta dik kwestjoni oħra. Mhux hekk ġara. Għalkemm kien hemm naturlament investigazzjoni fis-segretezza kollha, imma kien hemm trasparenza ċarissima, għax barra dawn il-forzi barranin, kien hemm fuq kollox maġistrat tal-inkjesta u aktar minn hekk ukoll. U dan seta’ jsir għax Joseph Muscat ma kellu l-ebda faħam miblul. Ma kellu l-ebda obbligu lejn ħadd li jgħattilu u ma jitressaqx il-qorti. Ma kellu ebda biża’ li se jeħodha kontra min qabbad hu jagħmel xi ħaġa, bħal ma ppruvaw jinsinwaw. Għax ma kellu l-ebda faħam miblul. Meta ħarġu l-ismijiet fil-qrati, kulħadd beda jqabbel.

L-ebda wieħed ma kien, ngħidu aħna, il-Fusellu, Alla jaħfirlu. U kif sewwa jsir, il-proċeduri fil-qrati kienu għad-dawl tax-xemx, u kollox instema’ bil-miftuh, u min ried jifhem fehem għala l-Maġistrata waslet għall-konklużjoni li kien hemm raġunijiet biżżejjed għal Att tal-Akkuża. Kont għaddej bil-karozza u rajt strixxa ħamra, fuq pont tar-regional road. “Irridu nafu l-verita` u l-verita` kollha”. Min għamilha mingħalih li xorta għandu raġun. Fil-qrati spiss jissemma li l-motiv ma hemmx għalfejn ikun ippruvat, u x’ġiegħel bniedem jagħmel kull att kriminali tista’ tkun tafu jekk jiftaħ ħalqu. Joseph Muscat ma għandu l-ebda biża’ għax faħam miblul m’għandux.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend