Min hu l-addict? U x'għandu jagħmel? | One News

Notifiki

Min hu l-addict? U x’għandu jagħmel?

Isir il-ħin fil-ġurnata u ħafna jkunu għadhom għaddejjin itektku fuq il-mobile tagħhom avolja jkunu ħalfu li jieqfu u jaraw film minflok, jew inkella jkunu daħħluha ma’ wahda mir-riżoluzzjonijiet tagħhom; li jnaqqsu mill-użu tal-mobile matul il-jum. Taf li qed teħxien u ma tieqafx tiekol jew anqas tilħaq tara ċikkulata li ma tkunx trid titħanha jew xi tip ta’ ħelu ieħor. Taf li d-droga ħażina u li qed tkissrek u tibqa’ tieħu minnha; izjed minn hekk, tibqa’ tara kif se tagħmel biex iġġib il-flus biex tieħu d-droga għax mingħajrha ma toqgħodx…din tissejjah addiction.

 

Tajjeb li wieħed jagħmel distinzjoni bejn vizzju u addiction. Vizzju hu xi ħaġa li tidra tagħmel u li jidħol fir-rutina tiegħek b’mod repetut u tispiċċa tagħmlu b’mod awtomatiku. Addiction hija xi ħaġa li ma tgħaddix mingħajrha għax tidħol fis-sistema tiegħek bħala bniedem u tikkalzrak b’tali mod li kapaċi tkun b’konsegwenzi serji. Ġeneralment jissejjaħ addict dak li jieħu d-droga, imma dan mhux gust. L-addict huwa dak li jieħu ċikkulata bla waqfien avolja jaf li qed tagħmillu hsara jew ikel, tista’ tkun addict għax-xorb, għax-xogħol, għas-sess, għas-serq, għal-logħob, għax-xiri…u bosta oħrajn li hemm uhud minnhom lanqas wieħed jimmagina.

 

Teżisti ukoll dik li tissejjaħ cross addiction u din isseħħ meta per eżempju bniedem jieqaf minn forma ta’ addiction u jizvijjaha f’oħra, ngħidu ahna mix-xorb idur għal-logħob, mid-droga għall-ikel u forom oħra. Kapaci tkun perikoluza ghax mohhok jahseb li tkun qtajt mix-xorb imma l-problema tkun għadha hemm għax inti sempliċiment tkun biddilt is-suġġett tal-addiction tiegħek; issa għandek il-logħob flok ix-xorb. Ovvjament, l-eċċessiv f’kollox jitqies li mhux tajjeb, allura wieħed irid isib bilanċ li xejn mhu faċli li tagħmel hekk. Iktar kapaċi ngħiduha bil-fomm milli nwettquha.

 

Huwa tajjeb li l-addict ikollu ħin kalm speċjalment jekk ikollu ġranet stressanti fuq ix-xogħol, tajjeb li jitkellem u jikxef il-ħsibijiet ta’ moħħu ħalli ma jerġax imur għall-addiction primarja tiegħu, tajjeb li jammetti li anke jkun qed jinnamra mal-ħsieb tal-addiction passata tiegħu billi jitilgħulu xi memorji…b’hekk biss iżomm lilu nnifsu fi stat li jkun jaf ir-realta’ tiegħu u jitgħallem jaċċettaha. Titqies bħala marda imma mhux kulħadd jaqbel dwar dan. Dan huwa suġġett kontroversjali li ħafna jibżgħu jiddiskutu. Studjuzi anke fl-Universita’ ta’ Minesota fl-Amerka jikkonfermaw li din hija marda. Mingħajr ma wieħed jallarma ruħu, mhux għax tiekol erba’ ċikkulati, ikun ifisser li inti addict…addict huwa dak li jibda u ma jieqafx u li jaf li darba huwa ħafna u l-ħafna mhux biżżejjed, għax ikollu kemm ikollu ma jabbasta ruħu qatt bil-konsegwenzi li jsegwu, ikunu koroh. Tajjeb ukoll li wieħed isemmi, li għalkemm l-OCD (Obsessive Compulsive Disorder- segwi izjed dwar l-OCD f’din il- link: http://www.one.com.mt/news/?s=ocd) mhix xi ħaga allarmanti żżejjed, meta mwaħħda mal-addiction, din ma tgħin xejn anzi taċċellera l-problema. Għal aktar informazzjoni tkellem mat-tabib tiegħek li jista’ jiggwidak aħjar kif titratta l-addiction. Tibqax passiv u informa ruħek għax bi ftit sforz, tħossok aħjar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend