In-nies ħassew is-saħħa tal-ekonomija – JM | One News

Notifiki

In-nies ħassew is-saħħa tal-ekonomija – JM

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, tkellem dwar kif fl-aħħar ġimgħat deher biċ-ċar kemm in-nies ħassew is-saħħa tal-ekonomija. F’kollegament telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru tkellem dwar kif dan kien evidenti fi żmien il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

“Kien hawn ġid ekonomiku li wieħed iħossu. In-nies jistgħu jgħidulek li dawn kienu festi fejn in-nies ħassewhom tajjeb. Għax għandhom iktar flus fil-but u jafu li għandhom inqas piżijiet. Dan hu riżultat ċar dirett tad-deċiżjonijiet li nkunu qed nieħdu,” qal il-Prim Ministru Joseph Muscat li rrefera wkoll lejn dawk li l-ġid ekonomiku mhux jilħaqhom.

“Dmirna hu li nħarsu wkoll lejn min qed fi problemi. Bħal problemi ta’ kera jew faqar. Iżda, meta wieħed iħares lejn l-istampa l-kbira n-nies setgħu jħossu l-ġid li hawn,” qal il-Prim Ministru li fakkar kif mit-tokki ta’ nofs il-lejl tal-ewwel jum tal-2018 reġgħu żdiedu l-pensjonijiet, żdiedet ġurnata leave u żdiedet il-paga minima fost oħrajn.

“Dawn l-affarijiet kollha n-nies qegħdin iħossuhom,” qal Joseph Muscat li tkellem ukoll dwar deċiżjonijiet importanti meħuda fl-aħħar ġimgħat. Fosthom it-tneħħija tal-garanzija bankarja għall-proġett tal-Electrogas li wassal għall-power station li taħdem bil-gass u t-trasferiment tal-kuntratt fil-qasam tas-saħħa għal għand kumpanija Amerikana rinomata u ta’ esperjenza.

“Aħna lesti li nitkellmu fil-parlament kemm dwar il-garanzija bankarja u nħarsu ‘l quddiem li nitkellmu wkoll dwar il-qasam tas-saħħa. Tidħak ftit meta tipprova tifhem x’inhi l-kritika tal-oppożizzjoni. Kritika li ġejja minn persuna li qed ikun akkużat li jagħti r-riċetti minn fuq it-telephone,” qal il-Prim Ministru li insista li wieħed għalhekk irid anke jara l-kredibbiltà ta’ min qed jagħmel il-kritika.

 

Oppożizzjoni maħkuma minn fazzjoni negattiva

 

Mistoqsi dwar kif bdiet is-sena l-oppożizzjoni, il-Prim Ministru qal li hu jemmen li din tixtieq tbiddel ir-rotta imma hemm fazzjoni estremista li mhux tħalliha.

“Jispiċċaw jiġġieldu bejniethom dwar jekk għandhomx jattendu għall-inawgurazzjoni tal-binja tal-Cafè Premier li ngħatat lill-Kunsill tal-Belt. Li filgħodu jgħidu kienet biċċa xogħol tajba u wara nofsinhar jgħidu li huma kontra. Dan kollu huwa ta’ ħsara għall-oppożizzjoni,” qal Joseph Muscat li tenna li x-xewqa tal-gvern hi li jitkellem ma’ oppożizzjoni konsistenti. “Mhux filgħodu tgħid mod u filgħaxija ieħor,” qal Joseph Muscat.

 

Proġett ta’ kulħadd

 

Il-Prim Ministru qal li l-gvern qed iħares b’ottimiżmu lejn din is-sena u ċ-ċelebrazzjoni ta’ Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-kultura. “Min dieħel il-Belt jista’ jara l-bidliet li qed isiru,” qal Joseph Muscat li fisser kif dan kollu jġib fix-xejn ukoll ċertu kritika li saret fl-aħħar ftit snin mill-Oppożizzjoni.

Joseph Muscat tkellem dwar kif fuq kollox dan hu proġett li jgħaqqad.

“Kienet idea ta’ gvern nazzjonalista u aħna qed inwettquha. Din hi kwistjoni ta’ kburija għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Nappella biex dan jibqa’ proġett nazzjonali,” qal Joseph Muscat li rrefera għat-taħlita ta’ proġetti li qed isiru bejn il-gvern u l-privat.

“Is-Suq tal-Belt kien ilu snin miltuq u ħadd ma kellu l-kuraġġ li jara li jsolvi din il-kwistjoni. Illum tmur u titgħaxxaq. Meta l-gvern jinvesti qed jagħti l-kuraġġ lill-privat biex joħroġ il-miljuni biex jinvesti hu wkoll,” qal il-Prim Ministru li tenna li l-pass li jmiss hu l-investiment fin-naħa ta’ isfel tal-Belt.

“Dan hu proġett mhux ta’ gvern jew ieħor imma proġett ta’ poplu,” tenna l-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend